8 April 2017

Inwegħdek li nibqa' nħobbok

Iż-żwieġ hu għotja mill-isbaħ t'Alla lill-bniedem. Iż-żwieġ waqqfu Alla sa mill-bidu tal-ħolqien (Ġenesi 2:18-25); huwa Alla li jgħaqqad il-koppja flimkien (Mark 10:9).

Ladarba mhux invenzzjoni umana, aħna messna nfittxu li nifhmu u nwettqu ż-żwieġ skont it-tagħlim tal-Kelma t’Alla, u mhux fuq l-opinjoni u l-ideat tagħna jew tas-soċjetà madwarna.

Il-patt taż-żwieġ hu mahsub biex ir-raġel u l-mara jsibu l-milja tagħhom f’xulxin f’relazzjoni ta’ mħabba. Dwar ir-ragel, Alla qal li mhux sew li jkun wahdu. Ir-raġel isib il-milja fil-mara, u l-mara fir-raġel.

Ir-rabta bejn ir-raġel u l-mara hi hekk intima li l-Iskrittura tiddiskriviha hekk: “ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu; u isiru laham wieħed” (Ġenesi 2:24). L-għaqda taż-żwieġ hi aktar qrib mir-rabta tad-demm bejn l-ulied u l-ġenituri. Ir-raġel ‘jingħaqad’ jew ‘jinkolla’ ma’ martu; it-tnejn isiru laħam ‘wieħed’.

Għaliex mela ħafna żwiġijiet, anke bejn l-Insara, qed ifallu? Iż-żwieġ qiegħed fi kriżi għax qed naħsdu dak li qed niżirgħu. Aħseb fuq koppja li:
  • ma jagħrfux il-qdusija taż-żwieġ
  • ma jitolbux flimkien
  • m’humiex ubbidjenti għall-Kelma t’Alla
  • ma jagħtux iż-żwieġ il-prijorità fuq kull relazzjoni oħra (inkluż it-tfal u l-familjari tagħhom), il-karriera u passatemp.
  • ma tgħallmux jitkellmu flimkien, jidħku u jibku flimkien, jieħdu paċenzja b'xulxin u jaħfru lil xulxin.
  • jfittxu l-interessi personal qabel l-interess ta' xulxin
... f’kelma waħda, aħseb fuq koppja li barrew ‘l Alla mill-familja tagħhom. Dawn m’għandhom xejn x’iżommhom magħqudin flimkien. Dar mibnija fuq ir-ramel tiġġarraf.

Biss jekk jafdaw f’Alla u jfittxu l-għajnuna tiegħu, il-miżżewġin isibu lill-Mulej fosthom bil-barka, il-ferħ u l-imħabba tiegħu.