1 June 2017

5 Għażliet Politiċi

  1. Alla ħatar it-tmexxija ċivili għal ġid ta’ kulħadd (Rumani 13:1-7). Aħna fid-dmir nobdu l-liġijiet tal-pajjiż – kemm waqt li qed insuqu u meta nkunu qed inħallsu t-taxxa u l-VAT. Meta niksru l-iċken regolament tat-traffiku fil-fatt inkunu qed noħduha kontra Alla.
  2. Aktar minn hekk, aħna msejħin biex nagħtu ġieħ lill-mexxejja tagħna. Messna nirrispettawhom mhux għax qatt ma jiżbaljaw jew għax ġejjin mill-partit favorit tagħna, imma minħabba s-sejħa tagħhom. Minn fomm in-Nisrani m'għandux joħroġ kliem ta' disprezz, redikolu jew mibgħeda lejn il-politiċi.
  3. Il-politiċi għandhom xogħol importanti u diffiċli biex f’pajjiżna jkollna l-ġustizzja u s-sliem. Huma tad-demm u laħam bħalna, u suġġetti għall-iżball. Mal-awtorità għandhom ħafna tiġrib. Għalhekk aktar mill-kritika, il-politiċi għandhom bżonn it-talb ferventi tagħna lill-Mulej (1 Timotju 2:1-4).
  4. Tajjeb li nieħdu sehem fil-proċess politiku sakemm ma noffendu lil ħadd, u bla ma nagħtuh importanza żejda. Huwa privileġġ nivvotaw lil dawk il-politiċi li naħsbu li jistgħu jagħtu l-aħjar servizz għall-poplu.
  5. Noqgħodu attenti li ma ninġarrux mill-kurrent materjalista li qed ikaxkar lil pajjiżna. L-aktar li tista’ tagħmel il-politika huwa li żżid il-ġid u l-ġustizzja – u dan hu tajjeb! Imma hemm valuri ogħla minn hekk. Tajjeb naħdmu għall-ħobżna ta’ kuljum, imma l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix. L-Imgħallem qalilna nfittxu l-ewwel is-Saltna t'Alla u l-ġustizzja tiegħu.