17 June 2017

Kif nixtieq li wliedi jiftakruni

It-tfal jikbru malajr wisq. L-opportunità tiegħi li nkun missier tajjeb għal uliedi hi llum. Għada jtiru mill-bejta (jew nitlaq jien mid-dinja).

X'memorji rrid li jieħdu magħhom? Jien nixtieq li t-tfal jiftakruni hekk:

Il-pà kien raġel ...
  1. Bieżel. Ħadem biex jiprovdi għall-bżonnijiet tal-familja. Imma ma kienx ikun dejjem ix-xogħol. Kien jaf jillimita l-ħin tax-xogħol biex ikun magħna wkoll.
  2. Ta’ dixxiplina. Imma mhux aħrax. Kien sod meta jwiddibna imma bil-ħlewwa. Meta tana kastig kien ġust, għall-ġid tagħna u fuq kollox għax kien iħobbna.
  3. Inkoraġġanti. Emmen fina u kien jistenna li nagħmlu ħilitna u naħdmu mill-qalb. Anki fil-fallimenti tagħna, kien il-wens u l-kuraġġ biex nerġgħu nqumu fuq saqajna. 
  4. Serju imma qatt 'il bogħod minn ċajta, tbissima, bewsa u tgħannieqa.
  5. Iħobb 'l martu. U kien jesiġi li aħna wkoll nirrispettaw lil ommna.
  6. Preżenti fil-familja. Kien ikun regolarment magħna fuq il-mejda tal-ikel, nistudjaw, nilgħabu, naqraw, il-knisja, noħorġu, inpinġu, nidħku, nsiefru u nitkellmu flimkien.
  7. Jitlob. Waħdu. U jitlob magħna qabel l-ikel, qabel l-irqad u f’ħinijiet oħra. Kien jaqra l-Iskrittura privatament u flimkien magħna.
  8. Jismagħna. Konna nħossuna komdi nitkellmu miegħu, ikun fuq xiex ikun.
  9. Lest jammetti l-fallimenti tiegħu u anki jitlob lilna naħfrulu meta jiżbalja.
  10. Jibża minn Alla. Għix ħajtu bi gratitudni lejn Alla, kien ifittiex l-approvazzjoni u t-tbissima tiegħu; u għalina ħadem u talab biex aktar minn kollox aħna nesperjenzaw l-imħabba t’Alla fi Kristu.
Imma dan kollu għadu ma seħħx. Il-futur jibda llum.

Mulej, agħtini l-kuraġġ ninbidel, iggwidani u saħħaħni biex inwettaq fis-sħiħ is-sejħa ta’ missier! Agħmilni, Missier, riflessjoni tiegħek għat-tfal tiegħi.