31 July 2017

It-tilqima tal-meningococcus B

Din l-informazzjoni hi maħsuba biex tgħin il-ġenituri jieħdu deċiżjoni informata dwar it-tilqima kontra l-meningococcus B. Kellem lit-tabib tat-tfal tiegħek biex tieħu parir professjonali.
  • It-trabi minn xahrejn 'il fuq u t-tfal ta’ kull età jistgħu jingħataw it-tilqima tal-meningococcus B.
  • Din it-tilqima hija importanti għaliex il-meningococcus B huwa l-aktar mikrobu komuni li jikkawża l-meninġite u septicaemia, mard li jista’ jwassal għall-konsegwenzi serji u anki għall-mewt.
  • Bħalissa f’Malta m’hawnx aktar każijiet ta’ meninġite mis-soltu. Kull sena jkollna numru żgħir ta’ każijiet ta’ meninġite fit-tfal; ħafna minnhom jmorru tajjeb għalkemm sfortunatmanet kultant le.
  • F’Malta hawn żewġ tilqimiet li jipproteġu kontra l-meningococcus B. (a) Il-Bexsero (GSK) tiswa €140 kull tilqima, u tista’ tingħata minn xahrejn 'il fuq. (b) It-Trumenba (Pfizer) tiswa €108, u tista’ tingħata lit-tfal minn 10 snin 'il fuq.
  • M’hemmx indikazzjoni li t-tilqima tal-meningococcus B se tingħata b’xejn mill-gvern.
  • Il-ġenituri jiddeċiedu jekk jagħtux u meta jagħtu t-tilqima tal-meningococcus B lil uliedhom. Il-protezzjoni tibda meta tingħata t-tilqima u għalhekk l-aħjar tinbeda kmieni.
  • Il-Bexsero tingħata f’darbtejn b’intervall ta’ xahrejn bejn l-ewwel u t-tieni doża. It-trabi jkollhom bżonn jingħataw booster. It-Trumenba tingħata f’darbtejn b’intervall ta’ sitt xhur bejn l-ewwel u t-tieni doża. 
  • Is-side-effects jinkludu deni, uġigħ u nefħa fejn tingħata t-tilqima. It-tabib jiggwidak kif tagħti paracetamol jew ibuprofen biex tilqa' għad-deni u ttaffi l-uġigħ.
  • Diversi mikrobi oħra jistgħu jikkawżaw il-meninġite (il-pneumococcus u forom differenti tal-meningococcus). Ara li t-tfal tiegħek huma mlaqqmin kontra l-pneumococcus (Prevenar jew Synflorix) u kontra l-meningococcus A, C, W u Y (Nimenrix jew Menveo). 
  • It-tilqim inaqqas ħafna, imma ma jeliminax għal kollox, ir-riskju ta’ meninġite. Anki meta t-tfal ikunu ħadu t-tilqim kollu, il-ġenituri għandhom ifittxu għajnuna medika urġenti jekk ikunu morda serjament. Għal aktar tagħrif, ara dan l-artiklu – link.
Aktar informazzjoni fuq il-Bexsero - link.
Aktar informazzjoni fuq it-Trumenba - link.

Updated: Frar2018.

Disclaimer

L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.