22 December 2017

Deheb, Inċens u Mirra

Ġew mill-bogħod, staqsew dwaru, u fittxewh sakemm sabuh. Daħlu fid-dar u raw it-tarbija m’ommu Marija. Il-maġi nxteħtu fl-art u tawh qima. Lil Ġesù tawh tlett għotjiet: deheb, inċens u mirra.

Tlett rigali li jixirqulu.

Id-deheb hu metall prezzjuż u jissimboliżża l-għana rjali (1 Samwel 12:30). L-inċens kien jintuża fit-Tempju għall-qima t’Alla (Luqa 1:7-8). U l-mirra kienet tintuża biex jidilku l-ġisem mejjet qabel id-difna (Ġwanni 19:39).

Illum ukoll, jekk għarafna min hu Ġesù, nistgħu noffrulu tlett rigali. Noffrulu d-deheb għax huwa s-Sultan tas-slaten, nagħtuh ubbidjenza mill-qalb. Noffrulu l-inċens għax hu tassew Alla, nagħtuh qima għarkopptejna. Noffrulu l-mirra għax Ġesù bata u miet għall-fidwa tagħna, nagħtuh gratitudni bil-ferħ.

Deheb, Inċens U Mirra

Id-deheb, Sid, noffrilek
Għax tiegħek kien l-għan
Li ġejt hawn fuq artna
Biex taħkem, Sultan.

Inċens jien noffrilek,
Lill-Iben Divin,
Int ħlaqtni w tgħajjixni,
Int Alla ħanin.

Il-mirra wkoll sehemek,
Salib it-tbatija,
Għax dan int għamiltu
B’imħabba għalija.

Deheb, inċens u mirra –
Qadi w qima nagħtik;
Għall-fidwa fik nafda
Biex nibqa ngawdik.