18 April 2018

IVF: Id-Drittijiet tal-Ġenituri u t-Tfal


Inħossni nkwetat dwar il-liġi ġdida tal-IVF.

Il-ġenituri għandhom obbligu li jieħdu ħsieb ’l uliedhom mill-ewwel mument ta’ ħajjithom. L-embrijun uman hu l-iben jew il-bint ta’ ommu u missieru, u huma għandhom id-dmir li jipproteġuh u jagħtuh l-aħjar trobbija possibbli.

Il-liġi proposta tal-IVF timmina din r-responsabilità tal-ġenituri lejn uliedhom, għal dawn ir-raġunijiet:

1. Liema ġenitur jixtieq li wliedu jkunu friżati u storjati x’imkien, b'futur inċert, u meta taf li l-proċess tal-iffriżah sikwit iwassal għall-mewt tal-embrijun?

2. Liema ġenitur lest li jirrinunzja d-dritt u d-dover tiegħu lejn uliedu f’idejn l-istat, biex uliedu jingħataw għall-adozzjoni anonima? Mela l-ulied huma xi biċċa propjetà li tiddisponi minnha kif ifettillek?

3. U liema tifel jew tifla ma jippreferux, jekk ikun possibli, li jitrabbew mill-omm u l-missier naturali tagħhom? B’din il-liġi kattiva se nkunu qed noħolqu intenzjonalment tfal orfni.

Forsi tgħidli, mhux aħjar jingħataw għall-addozzjoni milli jitħallew iffriżati?

Iva aħjar, imma jerġa’, huwa bil-wisq aħjar li ma toħloqx il-problema b’idejk stess. Tagħmilx embrijuni żejda! Wara kollox hekk qed jiġri bħalissa f’Malta fil-programmi tal-IVF, f’Mater Dei u fil-privat, regolalizzati mill-Liġi tal-Ħarsien tal-Embrijun. U nżid ngħid, b’suċċess, mingħajr riskji żejda, u b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-bniedem. Għaliex mela, dak li qed jaħdem tant tajjeb, tkissru u tfarrku?

Lill-ġenituri prospettivi, irġiel u nisa li għandkom problema ta’ fertilità, ngħidilkom: tħallu lil ħadd iġibkom f’sitwazzjoni ta’ kompromess fejn jidħlu wliedkom. Intom għandkom id-dover tħarsu ħajjithom; intom għandkom id-dmir u l-privileġġ li trabbu lil kull wieħed minn uliedkom b’għożża u mħabba.

Lill-leġislaturi ngħidilkom: Le għal din il-liġi krudila!

Lil Maltin u Għawdxin kollha, ejja niddefendu d-drittijiet tal-ġenituri, u nkunu leħen għat-tarbija mit-tnissil tagħha.