Ħalib u Ilma għat-Tarbija


Sakemm jinbeda l-ikel (bejn 4 u 6 xhur), it-tarbija għandha tixrob ħalib tal-omm jew tal-formola biss (tagħtix ilma f'dan iż-żmien).

Meta jinbeda l-ikel, agħti lit-tarbija ilma frisk ukoll. Offrilha ftit ilma wara kull ikla, u f'ħinijiet oħra tal-ġurnata. Uża ilma minerali (m'hemmx għalfejn ikun mgħolli). Agħtiha l-ilma minn beaker, u aktar tard minn tazza tal-plastik.

Tagħtix meraq tal-frott u xorb ħelu ieħor lit-tarbija.

It-tarbija tibda tnaqqas mill-ammont ta’ ħalib li tixrob kuljum aktar ma żżid fl-ikel. Ħafna trabi b’kollox jixorbu madwar nofs litru ħalib kuljum meta jkollhom madwar sena.

Iżżid xejn fil-flixkun mal-ħalib, bħal ċereali, cerelac jew gallettina. Meta joħorġu l-ewwel snien, tħallix it-tarbija torqod bil-flixkun tal-ħalib f’ħalqha, sabiex tevita t-taħsir fis-snien.

Sakemm tagħlaq sena t-tarbija għandha tibqa’ tingħata tixrob biss il-ħalib tal-omm jew tal-formola. Madankollu, tista' żżid ftit ħalib pasturizzat mal-ikel (eżempju, biex tagħmel porridge tal-oats jew patata mashed). Barra minn hekk għandek tinkludi prodotti tal-ħalib (bħal ġobon u jogurt, full-fat) bħala parti mid-dieta tat-tarbija.

Aqleb għall-ħalib frisk pasturizzat full-fat meta t-tarbija tagħlaq sena, u għall-semi-skimmed meta tagħlaq sentejn (it-tabib jista' jagħtik parir tuża ħalib b'anqas xaħam jekk ikun problema ta' piż żejjed). Tużax ħalib flavoured għax dan mimli zokkor. Tfal li jieklu varjetà ta’ ikel differenti m’għandhomx bżonn ħalib tat-trab (ġeneralment immakat bin-numru 3).