It-tarbija fil-ġuf jistħoqqilha mħabba


Jien nemmen li t-tarbija fil-ġuf jistħoqqilha kull rispett, protezzjoni u mħabba, u mhux is-sikkina tal-abort, għal tlett raġunijiet...

1. Bħala tabib mediku naf li tarbija fil-ġuf hi ħajja umana

Ix-xjenza tgħallimna li l-ħajja umana, mnissla mill-omm u l-missier, tibda mal-konċepiment. Meta b’ultrasound nittawlu fil-ġuf, anki ftit ġimgħat wara l-konċepiment, naraw ir-ras, il-ġisem, id-dirgħajn u r-riġlejn jiċċaqilqu, naraw il-moħħ u l-qalb tħabbat. Din hi tarbija, bid-DNA, blood group, u fingerprints tagħha. Ejja nkunu ċari: meta nitkellmu dwar l-abort, qed nitkellmu dwar il-qtil ta’ ħajja umana, il-qtil ta’ tarbija! Kull tabib hu msejjaħ biex ijħares il-ħajja, mhux joqtolha. Għalhekk jien kontra l-abort.

2. Bħala bniedem jien għandi sens ta’ ġustizzja

Jien għandi dritt għall-ħajja. Ma rridx min jagħmilli ħsara jew joqtolni intortament, u allura jien m'għandix nagħmel ħsara lil ħadd. Kif nixtieq li ħaddieħor jirrispetta d-drittijiet tiegħi, jien għandi l-obbligu nirrispetta d-drittijiet ta’ ħaddieħor. Il-ġustizzja tiddomana minni li nħares l-ħajja ta' kull bniedem, anke tat-tarbija qabel it-twelid. Għalhekk jien kontra l-abort.

3. Bħala Kristjan jien nagħraf il-valur tal-ħajja umana

Jien nemmen li l-bniedem hu maħluq fix-xbieha t’Alla, u għalhekk nagħraf d-dinjità ta’ kull bniedem, hu min hu, kbir jew żgħir. Il-kmandament t’Alla, la toqtolx, hu riflessjoni tal-valur ta’ kull ħajja umana, anke meta hi ċkejkna, siekta u mistura. Għalhekk it-tarbija fil-ġuf jistħoqqilha kull imħabba. Kif nista’ nħares lejn it-tarbija qabel it-twelid bħala oġġett li nista’ nqattgħu biċċiet u narmih fl-iskart? Għalhekk jien kontra l-abort.

L-għażla quddiemna

Din hi l-għażla li għandna quddiemna bħala pajjiż: l-għażla bejn l-imħabba jew l-vjolenza; il-ħajja jew l-mewt. Jien nixtieq ngħix f’soċjeta ġusta u ħanina ma' kulħadd, speċjalment ma' min hu żgħir u dgħajjef... għalhekk ngħid le għall-abort u iva għall-ħajja!

Ktejjeb

Niżżel kopja b'xejn tal-ktejjeb, Tikka u Maħbuba. Download.