Conjunctivitis (infezzjoni fl-għajn)


X’jikkawza infezzjoni fl-għajn?

Infezzjoni fl-għajn tissejjaħ ‘conjunctivitis’ jew ‘pinkeye’. Ir-rita (covering, conjuctiva) li tgħatti l-għajnejn u n-naħa ta’ ġewwa tal-kpiepel tal-għajn tkun ifjammata (nefħa u ħmura).

Conjunctivitis tista' tkun ikkawżata minn virus jew bacteria. L-istess virus li jikkawa l-infezzjoni fl-għajnejn jista' wkoll jagħti sintomi ta’ riħ komuni (bħal flissjoni, sogħla u konġestjoni fl-imniffsejn).

It-trabi jistgħu jitwieldu bil-kanal tad-dmugħ misdud, u għalhekk ikollhom aktar dmugħ u għajnejn iħammġu.

X’inhuma s-sintomi?
  • Ħakk u uġigħ fl-għajn
  • Ħmura fl-għajn
  • Għajn iddemma'
  • Nefħa fil-kpiepel tal-għajn u għajn baxxa
  • Materja (safra jew ħadra)
  • Għajnejn imwaħħla (speċjalment wara l-irqad)
Kif tinxtered?
  • Kuntatt dirett – meta it-tifel imiss għajnejh infettati u wara jmiss tfal oħrajn.
  • Kuntatt indirett – meta it-tfal imissu oġġetti (eż. ġugarelli) li jkunu kkontaminati bil-mikrobi.
  • Mill-arja – il-virus jinxtered ukoll bl-għatis u s-sogħla
Meta tkellem tabib?

Kellem tabib jekk taħseb li t-tfal tiegħek jista’ jkollhom conjunctivitis sabiex jiddeternina x’tip ta’ infezzjoni hi, u biex jiktiblek il-mediċina li jkun hemm bżonn.

Huwa importanti li tkellem it-tabib jekk ikun hemm id-deni, xi raxx jew uġigħ qawwi fl-għajnejn, jew jekk tara li l-infezzjoni qed tiggrava.

X'inhi l-kura?

It-tabib jiddetermina x’tip ta’ infezzjoni hi (virus jew bacteria). Jekk tkun bacterial, il-kura tkun tinkludi qtar jew ingwent tal-antibiotiku. Dan jgħin fil-fejqan u biex ma tkomplix tinfirex. Jekk l-infezzjoni tkun minħabba virus, jew jekk il-ħmuru tkun minħabba irritazzjoni (eż. mill-chlorine tal-pools) jew minħabba allerġija, allura ma jkunx hemm bżonn ta’ antibiotiku. F’dawn il-każijiet jaf ikun hemm bżonn mediċini oħra (bħal steroid jew antihistamine).

Ara dan il-video dwar kif tapplika il-qtar tal-antibiotiku fit-tfal żgħar. link

Naddaf l-għajnejn billi taħsel il-wiċċ jew b’tajjara (cotton disc) mxarrba bl-ilma jew saline.

Kif tnaqqas it-tixrid tal-infezzjoni?
  • Aħsel sewwa idejk u idejn it-tfal wara li jkunu messew jew mesħu għajnejhom.
  • Tużax l-istess xugaman għall-bqija tal-familja.
  • It-tabib jagħtik parir meta tkun tista’ terġa’ tibgħat it-tfal l-iskola (ġeneralment wara li jkunu ilhom 24 siegħa fuq l-antibiotiku u l-infezzjoni tkun qed tfieq).