23 July 2012

Il-ħadid fid-dieta tat-tfal


Il-ħadid huwa meħtieġ biex il-ġisem jifforma ċ-ċelloli ħomor tad-demm. Nuqqas ta’ ħadid fid-dieta jwassal għal anemija. Il-ħadid huwa wkoll meħtieġ għall-funzjoni u l-iżvilupp tal-moħħ.

Dawn huma sorsi tajba ta’ ħadid fl-ikel:
  • Laħam aħmar (ċanga, vitella, majjal, ħaruf u fwied).
  • Il-bajd (tista’ tinkludi l-bajda diversi drabi fil-ġimgħa).
  • Ħut żejtni (bħas-salamun).
  • Ħaxix (brokkoli u spinaċi).
  • Pulses (baked beans, favetta).
  • Frott niexef (apricots, sultana, pruna).
  • Ċereali tal-breakfast.
  • Lewż (it-tfal jistgħu jieħdu l-lewż sħiħ jew biċċiet minn 4 snin ‘il fuq).
Il-vitamina C tgħin biex il-ħadid jiġi assorbit fil-ġisem. Għalhekk tajjeb li tagħti larinġa magħsura meta t-tfal jieklu ikel li fih ħafna ħadid – ngħidu aħna, mal-laħam jew maċ-ċereali tal-breakfast.

Id-dieta tat-tfal għandha tinkludi laħam aħmar, bajd u ħut bħala sors ewlieni ta' ħadid. It-tfal żgħar isibuha diffiċli jieklu l-laħam peress li huwa iebes u ma jkunux jistgħu jibilgħuh għax jikber f’ħalqhom. Sajjar il-laħam tajjeb (eż stuffat) biex ikun artab, mqatta’ żgħir ħafna (anqas minn ½ ċentimetru) u 'moist'. Tista’ tagħmel ukoll meatballs, pulpetti jew burgers bl-ikkapuljat.

Chicken nuggets u fish fingers ma fihomx ħadid.

Il-ħalib pasturiżżat ma fihx wisq ħadid; il-ħalib follow-on fih il-ħadid miżjud miegħu. Tfal żgħar li jieklu biss nuggets, chips u pasta (jew xi ħaga hekk), għandhom jingħataw tazza ħalib follow-on kuljum. Altrimenti m’hemmx bżonn ħalib follow-on għal tfal li jieklu varjetà wiesa ta’ ikel.

Tagħtix mistura li fija l-ħadid mingħajr il-parir tat-tabib. Ħadid żejjed jista’ jagħmel il-ħsara.

Kellem lit-tabib jekk taħseb li t-tifel tiegħek mhux jieħu biżżejjed ħadid, jew jekk tarah pallidu u dgħajjef. Jekk ikun hemm xi sinjali ta’ anemija, it-tabib jista’ jordnalek test tad-demm, u jekk jikkorferma li hemm anemija jew nuqqas ta’ ħadid fid-demm, jiktiblek mistura tal-ħadid għax ftit xhur.