17 August 2016

Rispett lejn il-ġenituri

X'irrid ngħallem l-aktar lil uliedi? Jien u marti rridu ngħallmuhom jiktbu, jaqraw, ix-xjenza, l-arti, l-istorja, jieħdu ħsieb saħħithom, ikunu soċjevoli u li jgawdu l-ħajja. Imma fuq kollox irridu ngħallmuhom ir-rispett - rispett lejn Alla u lejn il-ġenituri tagħhom. Jekk infallu hawnhekk inkunu fallejna bħala ġenituri.

Kif jistgħu l-ġenituri jgħallmu ‘l uliedhom jirrispettaw lil missierhom u lil ommhom?
  1. Ir-raġel u l-mara għandhom juru rispett lejn xulxin. Ir-raġel jagħti ġieħ lil martu billi jkellimha b’ġentilezza, mingħajr rabja jew għajjat, u jqisha bħala l-maħbuba tiegħu u mhux qisha xi seftura. It-tfal iridu jisimgħuh jgħidilha grazzi u prosit u kemm iħobbha. Il-mara wkoll trid turi rispett lejn ir-raġel u t-tmexxija tiegħu u mhux tikkontradixxi jew timmina dak li jgħid.
  2. Il-ġenituri għandhom jieħdu bis-serjetà r-rwol tagħhom bħala coaches għal uliedhom, u mhux iħalluhom għal rashom u jagħmlu li jridu (x’ħin jorqdu, jistudjaw, jilgħabu, jużaw gadgets, eċċ). Tirrispettah coach ta’ xi sport jekk qatt ma jagħtik direzzjoni, jikkoregik, ifaħħrek u jinkoraġġik?
  3. Il-ġenituri għandhom iżommu kelmithom sew jekk tkun xi wegħda, kif ukoll jekk tkun xi twissija ta’ kastig. Aħjar ma tgħid xejn milli tmur lura minn kelmtek. 
  4. Il-ġenituri għandhom ikollhom il-kuraġġ u l-umiltà jitolbu maħfra meta jiżbaljaw, lil xulxin, u anke lit-tfal tagħhom.
  5. Il-ġenituri għandhom jirrispettaw lil uliedhom billi jkunu ġusti magħhom, jagħtuhom attenzzjoni u jisimgħuhom, u ma jużawx kliem dispreġjattiv ('Kemm inti injorant!'). It-tfal għadhom bżonn tikka kritika kostruttiva imma jeħtieġu muntanja ta' kuraġġ u tifħir mill-mamà u l-papà.
  6. Il-ġenituri għandhom ikunu mudelli għalihom fir-rispett lejn kulħadd. Jekk, ngħidu aħna, hemm kwistjoni mal-għalliema tal-iskola, il-ġenituri għandhom ikellmuha b’rispett u mhux bi glied, u m'għandhomx jitkellmu kontra tagħha quddiem it-tfal.
  7. It-tfal iridu jaraw lill-ġenituri tagħhom jgħixu ħajja onorabbli – fil-bżulija, onestà, ġentilezza u ġenerosità. Ħadd ma jirrispetta bniedem ipokrita, u l-ġenituri ma jistgħux jinħbew jew jilbsu maskra quddiem uliedhom.
  8. It-tfal iridu jaraw lill-ġenituri jagħtu ġieħ lin-nanniet billi jżuruhom, jieħdu ħsiebhom, ikellmuhom b'rispett u jieħdu paċenzja bihom.
  9. Il-ġenituri għandhom jgħallmu lil uliedhom għalfejn messhom juruhom rispett u jobduhom. L-ogħla raġuni huwa l-kmandament t’Alla lit-tfal: weġġaħ lil missierek u lil ommok. Jekk t-tfal jkunu diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ikunu qed joħduha kontra Alla, imma meta jirrispettawhom ikunu qed jonoraw lil Alla!
Din l-attitudni tistieden il-barka t’Alla fuqhom fi tfulithom u matul ħajjithom kollha.

21 July 2016

Tingiża ta' traċna

Hawn 4 ħutiet fl-ibħra Maltin li jistgħu iniggżu: adder pike (traċna), weever (sawt), stingray (bonn) u scorpion fish (skorfna).

It-traċna tkun f'qiegħ il-baħar fir-ramel. Wieħed jista' jirfes fuqha u jitniggeż. Ugigħ qawwi ħafna!

Bħala first aid qiegħed is-sieq fl-ilma sħun, imma attent minn xi samta!

Wara l-ewwel għajnuna mur l-isptar, health center jew għand it-tabib għal aktar kura.

9 July 2016

Heart murmur

‘Heart murmur’ huwa ħoss żejjed fil-qalb li t-tabib jisma’ bl-istetoskopju.

Dawn il-mumurs huma komuni ħafna fit-trabi u fit-tfal, u fil-parti l-kbira huma innokwi u ma jfissrux li hemm xi problema fil-qalb. Il-ħoss jiġi miċ-ċirkolazzjoni tad-demm fil-qalb. Dawn il-murmurs jinstemgħu aktar waqt id-deni.

Kultant il-murmur jista’ jfisser problema fl-istruttura tal-qalb, ngħidu aħna toqba jew djuq f’xi valve. Illum hawn rimedju għall-parti l-kbira ta’ dawn il-problemi, u x’uħud minnhom jfiequ weħidhom, mingħajr ma jaffettwaw ħażin is-saħħa tat-tfal.

It-tabib jagħmel evalwazzjoni tas-sinifikat tal-mumur. It-tabib jistaqsi fuq is-saħħa tat-tarbija u jeżaminaha: jiċċekkja l-kulur, in-nifs, il-polz, flimkien mal-kwalita’ tal-ħoss u l-post fejn jinstema’. Minbarra l-eżami kliniku, it-tabib jista’ jirreferi lit-tarbija għal echocardiogram (‘echo’).

L-echo huwa eżami tal-ultrasound (bħal dak li jsir matul it-tqala). Ma jinvolvix raġġi jew uġigħ. It-tabib japplika ġel fuq is-sider, u permezz ta’ probe jkun jista’ jara fuq sceen l-istruttura u l-funzjoni tal-qalb.

Riżultat normali tal-echo jikkonferma li l-murmur huwa innokwu ('innocent' jew 'functional murmur'), u allura ma jkun hemm bżonn xejn aktar. Dawn il-murmurs ġeneralment jitilqu weħidhom meta t-tfal jikbru. Jekk l-echo juri li hemm problema, l-ispeċjalista tal-qalb jinforma lill-ġenituri dwar il-kura meħtieġa jekk ikun hemm bżonn.

Il-ġenituri jinkwetaw ħafna meta t-tabib jgħidilhom li t-tarbija għandha murmur. Tajjeb nirrepeti li l-parti l-kbira ta’ dawn il-murmurs jinstemgħu f’qalb perfettament normali jew bi problemi żgħar, speċjalment jekk it-tarbija tkun b’saħħitha.

1 July 2016

Morning After Pill

Il-‘morning after pill’ (MAP) tintuża bħala kontraċettiv ta’ emerġenza. Hemm żewġ mediċini li jintużaw għal dan l-għan:
  • Levonelle, Plan B One-Step (progestin-only, levonorgestrel), tista’ tittieħed sa’ 72 siegħa (3 ġranet) wara s-sess.
  • ellaOne (antiprogestin, ulipristal acetate), tista’ tittieħed sa 120 siegħa (5 ġranet) wara s-sess.
Kif taħdem?

Bi tlett modi (ara hawn taħt) – primarjament billi twaqqaf jew tittardja l-ovulazzjoni; tista’ taħdem ukoll billi twaqqaf il-fertilizazzjoni u billi ma’ tħallix l-embrijun milli jaqbad mal-utru (implantation). Dan ifisser li kultant il-MAP tista’ taħdem billi tabortixxi l-embrijun fl-ewwel jiem.
  • Depending on where you are in your menstrual cycle, morning-after pills may act by one or more of the following actions: delaying or preventing ovulation, blocking fertilization, or keeping a fertilized egg from implanting in the uterus (link).
  • It works mainly by: Stopping the release of an egg from the ovary. It is possible that Plan B One-Step® may also work by: Preventing fertilization of an egg (the uniting of sperm with the egg); Preventing attachment (implantation) to the uterus (womb) (link).
Il-fuljett ta’ informazzjoni għall-pazjenti tal-elleOne jgħid li “ellaOne is a contraceptive used to prevent a pregnancy from starting.” (link) Wieħed irid jifhem li fil-mediċina t-tqala tibda’ mal-implantation, jiem wara li tkun saret il-fertilizzazzjoni, u allura jiem wara li kien ifformat l-embrijun. Il-kwistjoni etika, pero', mhix meta tibda t-tqala (implantation), imma meta tibda’ il-ħajja individwali (fl-għaqda tal-isperma mal-bajda, il-fertilizzazzjoni).

Kieku l-MAP taħdem biss fuq l-ovulazzjoni, kif tista’ tispjega l-effettivita' tagħha jekk l-mara tkun diġa' ovulat fil-jum li jkun sar is-sess jew fiż-żmien (sa 3 jew 5 ġranet wara s-sess) qabel il-mara tieħu l-pillola?

Ċertament f’xi każijiet il-fertilizzazzjoni tkun diġa’ seħħet fl-intervall bejn is-sess u meta l-mara tieħu l-pillola. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-MAP, jekk hi tassew effettiva, tista’ taħdem biss billi ma’ tħallix l-embrijun jaqbad mal-utru u ma jkomplix jiżviluppa. F’kelma waħda, billi tabortixxi l-embrijun, il-ħajja umana fl-ewwel jiem tagħha.

27 June 2016

Mulej għallimna nitolbu

Jeħtieġ nitolbu aktar. Niddependu fuq Alla; weħidna ma nistgħu nagħmlu xejn. It-talb huwa ċ-ċavetta li tiftaħ bibien is-sema biex tinżel xita ta’ barkiet fuqna, il-familji tagħna u pajjiżna. Fuq kollox Alla l-Missier huwa glorifikat fit-talb ta’ wliedu. Għalhekk bħall-ewwel dixxipli, waqt dan l-irtir se nersqu lejn Ġesù u nistaqsuh, “Mulej, għallimna nitolbu.”

Dawn it-tlett messaġġi fuq it-talb kienu mogħtija waqt il-jum ta' tiġdid spiritwali li sar is-Sibt, 11 ta’ Ġunju, 2016, l-Inspire.
  • Talb Trinitarjan - Pastor Paul Mizzi - (Audio / Video)
  • Il-Motivazzjoni għat-Talb - Dr. Joseph Mizzi - (Audio / Video)
  • L-Aspetti Prattiċi tat-Talb - Mr. Joseph Farruġia - (Audio / Video)

18 June 2016

Food Poisoning

L-avvenilament tal-ikel jiġri minħabba l-mikrobri u tossiċi fl-ikel għax ma jkunx imsajjar jew merfugħ sewwa. Is-sintomi jinkludu deni, uġigħ ta’ żaqq, dardir, remettar u dijareja. Bi ftit attenzjoni, nistgħu faċilment nevitaw din il-problema.

1. Aħsel idejk bl-ilma u s-sapun qabel tibda tipprepara l-ikel jew issajjar, u erġa’ aħsilhom wara li tkun missejt laħam nej jew bajd.

2. Naddaf l-uċuh li fuqhom tipprepara l-ikel, u speċjalment il-bord li tqatta l-ikel fuqha.

3. Żomm il-laħam nej u ikel imsajjar f’reċipjenti jew boroż separati minn xulxin. Ara li l-laħam nej ma jmissx ma ikel ieħor.

4. Sajjar l-ikel sewwa fl-ilma jagħli jew temperatura għolja, u ħalliħ jibred qabel isservih.

5. Tieħux bajd nej (bħat-taħlita tal-kejk qabel jidħol fil-forn u deżerta li fija bajd nej). Il-bajd għandu jissajjar sakemm jibbies, froġa jew msajjar mal-ikel (ngħidu aħna l-imqarrun jew quiche lorraine).

6. Evita frott tal-baħar nej.

7. Aħsel sewwa il-frott u ħaxix.

8. Tħallix ikel imsaħħar barra l-friġġ, avolja tkun se tużah fi ftit sigħat.

9. Biex terfa l-ikel imsajjar, kessħu malajr (jekk hemm bżonn permezz tal-ilma), u poġġiħ fil-friġġ jew friżer. L-ikel fil-friġġ irid jittiekel sa jumejn. Ikel friżat irid ikun defrosted qabel jissaħħan billi tpoġġih fil-friġġ minn filgħaxija jew fil-microwave ‘defrost’.

10. Meta terġa’ ssaħħan l-ikel, saħħnu sakemm isir jaħraq ħafna jew jagħli. Ħallieħ jibred qabel isservih. Jekk tuża l-microwave biex issaħħan, ħawwad l-ikel peress li ma jisħonx kullimkien l-istess. Terġax issaħħan l-istess ikel darbtejn. Terfax l-ikel li jibqa fil-platt.

11. Għallem lit-tfal jaħslu idejhom bl-ilma u s-sapun qabel l-ikel u wara li jmorru t-toilet.

12. L-imgħaref, frieket, platti u tazzi għandhom jinħaslu bl-ilma sħun u s-sapun tal-platti (imma m’hemmx għalfejn ikunu sterilizzati, lanqas għat-tfal żgħar).