Posts

Showing posts with the label Malti

Id-deni fit-tfal

Image
Fil-Qosor Ħu t-temperatura taħt l-abt (armpit) b'termometru diġitali. Aqra' t-temperatura kif tiġi, mingħajr ma żżid jew tnaqqas xejn. Id-deni jibda minn 37.5°C (99.5°F).  Uża pararcetamol jew ibuprofen jekk it-tifel ikun mdejjaq bid-deni jew uġigħ. Ta' spiss offri l-ilma u xorb ieħor sabiex ma jixxottax. Tużax biċċa niedja (tepid sponging) biex tniżżel it-temperatura. Kellem lit-tabib tat-tfal meta t-tifel/tifla jkollu d-deni f'dawn iċ-ċirkostanzi: (1) trabi taħt is-sena; (2) jekk it-tifel jidher marid, ma jiflaħx, jew ikollu xi sintomi (sogħla, uġigħ, nifs mgħaġġel, telqa, rimettar, raxx fil-ġilda, eċċ). (3) Trabi iżgħar minn 3 xhur bid-deni għandhom jittieħdu l-isptar mill-ewwel. Id-Deni Il-ġisem iżomm it-temperatura stabbli, madwar 36-37˚C, tkun xi tkun it-temperatura fl-ambjent. Meta t-temperatura togħla 'l fuq minn normali jfisser li hemm: (1) infezzjoni; (2) reazzjoni għat-tilqima; jew (3) it-tarbija tkun xotta jew msaħħna żżejjed. Is-snien ma jtellgħux de...

Ir-Roseola

Image
Ir-roseola hi infezzjoni ħafifa u komuni li taqbad lit-trabi u tfal żgħar minn sitt xhur sa tlett snin. Hi kkawżata minn virus (human herpes virus). Kultant tissejjaħ ‘roseola infantum’ jew ‘sixth disease’. Is-Sintomi L-ewwel sintomi joħorġu minn ħamest ijiem sa ġimgħatejn wara l-kuntatt mal-mikrobu. Il-marda tibda b’deni li jaf ikun għoli (anke madwar 40ºC). Id-deni jdum minn ftit sigħat sa tlett jew erbgħat ijiem. Jista’ jkun li t-tarbija jkollha aċċessjoni tad-deni. Meta jinżel id-deni, jitfaċċa raxx mqabbeż ħamrani, l-ewwel fuq il-ġisem u l-għonq, u aktar tard fuq il-wiċċ, id-dirgħajn u r-riġlejn. Ir-raxx idum minn ftit sigħat sa jumejn. Kultant id-deni jkun l-uniku sintomu, u r-raxx ma joħroġx. It-tfal jgħaddilhom kompletament, normalment f’anqas minn ġimgħa. L-eżami mediku Id-deni jaf ikun l-uniku sintomu għall-ewwel u t-tabib ma jsib ebda sinjal oħra. Sakemm joħroġ ir-raxx wieħed ma jkunx ċert mid-dijanjosi. Jista’ jkun hemm bżonn xi testijiet speċjalment fit-tr...

Il-glandoli

Image
F’xi ħin jew ieħor il-ġenituri jiskopru bħal boċċi jew żibeġ fl-għonq jew fin-naħa ta’ wara tar-ras. Jinkwetaw għax jaħsbu li jkun xi mard serju. Is-soltu dawn il-boċċi żgħar ma jkunu xejn għajr il-glandoli (lymph nodes) li t-tfal kollha għandhom f’ġisimhom. Minbarra f’dawn il-postijiet, it-tfal għandhom ukoll glandoli taħt il-geddum, taħt l-idejn (armpits) u qrib il-koxxa (groin). Il-glandoli għandhom rwol importanti fid-difiża tal-ġisem kontra l-infezzjonijiet minn viruses u bacteria. Huwa normali li l-glandoli jikbru waqt xi infezzjoni, imma mbagħad biż-żmien jerġgħu jiċkienu. Jien tal-parir li l-ġenituri jkellmu tabib jekk isibu xi boċċi speċjalment jekk ikun hemm xi sintomi oħra (bħal tbenġil, tnaqqis fil-piż, deni, għejja jew uġigħ), jew jekk il-glandoli ma jinżlux jew ikomplu jikbru. Ħafna drabi t-tabib jkun jista’ jserrħilhom moħħhom wara l-eżami fiżiku tat-tfal. Kultant ikun hemm bżonn xi testijiet (tad-demm, ultrasound jew biopsy) biex ikun eskluż mard aktar serju.

Mistoqsijiet komuni dwar it-tilqim

Image
1. X’tilqim tirrakkomanda għat-tfal tagħna? Jien nirrikkmandalkom li tagħtuhom it-tilqim offrut b’xejn mid-Dipartiment tas-Saħħa u xi tilqim ieħor li jingħata fil-privat biss. 2. X’tilqim joffri l-gvern mingħajr ħlas? Fl-ewwel sena:  Hexyon (6-in1) (difterite, tetnu, poljo, sogħla konvulsiva, Hib, hepatitis B); Bexsero (meningococcus B); Nimenrix (meningococcus ACWY); u Synflorix (pneumococcus). Fit-tieni sena:  MMR (mumps, measles u rubella – il-gattone, ħosba u ħosba ġermaniża); u l-boosters tal-Bexsero, Synflorix, Nimenrix u Hexyon. Fit-tielet sena: Booster tal-MMR. Ta' 12-il sena:  Gardasil-9 (HPV – human papilloma virus) (f'darbtejn, 6 xhur intervall bejniethom). Ta' 14-il sena: dT-IPV (difterite, tetnu u poljo) u booster tan-Nimenrix. It-tilqim fl-iskeda nazzjonali 3. Kif nistgħu nagħtu dan it-tilqim lit-tarbija tagħna? It-tilqim jista’ jingħata fiċ-Ċentru tas-Saħħa jew għand it-tabib tat-tfal tagħkom. Jekk tixtiequ tagħtuhom fiċ-Ċentru tas-Saħħa...

Il-gastroenterite: rimettar u dijarea

Image
Il-gastroenterite hi infezzjoni komuni fl-istonku u l-imsaren. Is-sintomi jinkludu nuqqas ta' aptit, dardir, rimettar u dijarea. Jista’ jkun hemm ukoll uġigħ ta’ żaqq u deni. Ir-rimettar normalment jieqaf wara ġurnata jew tnejn u d-dijarea ddum madwar ġimgħa. Jista’ jkun hemm ukoll sinjali ta’ riħ bħal flissjoni u sogħla. It-tabib jistaqsik diversi mistoqsijiet u jeżamina t-tifel/tifla biex jara jekk hemmx sinjali ta’ dehydration, u jekk hemmx xi sinjali ta’ mard ieħor li jista’ jkun imfixkel ma’ gastroenterite (bħal meninġite u obstruction tal-musrana). Mhux is-soltu jkun hemm bżonn testijiet speċjali. Ħafna tfal jistgħu jiġu kkurati d-dar. Kultant ikun hemm bżonn jiddaħħlu l-isptar għad-dripp għax jixxottaw (dehydration). Jekk ikun hemm id-demm mal-kokò jew is-sintomi jkunu qawwija, jintbagħat kampjun tal-kokò l-laboratorju biex jiġi identifikat il-mikrobu. IL-KURA D-DAR Xorb L-aktar ħaġa importanti fil-kura tal-gastroenterite huwa li t-tifel jingħata jixrob ta' spiss sabie...

Inħarsu t-tfal fis-sajf

Image
Iż-żmien sabiħ tas-sajf iġib miegħu problemi u perikli għat-tfal, speċjalment ix-xemx u l-baħar. Dawn huma ftit ħsibijiet kif nipproteġu 'l uliedna. L-Għawm Sfortunatament f’Malta seħħew diversi inċidenti fejn għerqu tfal fil-baħar u fil-pools. Għandna noqgħodu attenti biex nevitaw traċedji bħal dawn. Meta jkunu ħdejn il-baħar jew pool jew qed jgħumu, it-tfal għandhom ikunu taħt superviżjoni kontinwa tal-ġenituri jew ta’ xi ħadd adult responsabbli. Iridu jkunu taħt għajnejk u fil-qrib biżżejjed biex f’każ ta’ diffikultà tkun tista’ tgħinhom fil-pront. Libbishom trainers sakemm għadhom ma jafux jgħumu sew. Tgħallem kif tagħti l-ewwel għajnuna (CPR). F’Malta jsiru korsijiet qosra ta’ First Aid. Jekk tingħata fil-ħin, l-ewwel għajnuna tista’ tagħmel differenza bejn ħajja u mewt. Għallem it-tfal jgħumu minn kmieni. Għallem tfal akbar biex ma jaqbżux għal rashom jekk ma jafux kemm hu fond il-baħar (kien hemm tfal li kissru x-xewka ta’ daharhom, baqgħu paralizzati jew mietu għax ħabtu...

Problemi tal-ikel fit-tfal (fussy eaters)

Image
Il-ġenituri u n-nanniet jinkwetaw iżżejjed għax jippretendu li t-tfal għandhom jieklu aktar. Wara li jagħlqu sena, ħafna tfal inaqqsu mill-ikel għax ma jibqgħux jikbru daqs qabel— tarbija ta’ tmien xhur iżżid kilo f’xahrejn, filwaqt li toddler iżid kilo f’sitt xhur. It-tfal żgħar għandhom aptit żgħir għax m’għandhomx bżonn ħafna ikel; it-toddlers jippreferu jiġru u jilgħabu l-ġurnata kollha minflok jieklu. Barra minn hekk, hawn tfal li jgħaddu bi ftit ikel, u dan ikun biżżejjed għalihom. Jagħmlu ħażin il-ġenituri li jqabblu t-tifel tagħhom ma’ tfal oħra, għax it-tfal mhumiex kollha l-istess. It-toddlers m’għandhomx bżonn ikel speċjali, lanqas għandhom jibqgħu jingħataw ikel magħsur jew purè—huwa biżżejjed li l-ikel ikun imqatta f’biċċiet żgħar, f’ammont żgħir u preżentat b’mod interessanti. It-toddlers jieħdu gost imissu u jilgħabu bl-ikel; importanti li nħalluhom, avolju jiddelku, jħammġu ħwejjiġhom u madwarhom! B’hekk jitgħallmu jieklu weħidhom u jiggostaw l-ikel tagħhom. It-...

Snien b’saħħithom

Image
Il-ġenituri għandhom jibdew jieħdu ħsieb snien it-tarbija mill-bidu sabiex jibqgħu b’saħħithom u sbieħ. Jekk l-ewwel snien jitħassru u jaqgħu qabel iż-żmien, is-snien permanenti jistgħu jitilgħu ħażin. Il-Kura tas-Snien 1. Tbillx il-gażaża fiz-zokkor, għasel jew juice. Aqta' l-gażaża kemm jista’ jkun kmieni (meta t-tarbija jkollha madwar sena). 2. Il-bottle għandu jintuża għall-ħalib biss. Minn sena 'l quddiem uża beaker jew tazza minflok il-bottle. 3. Iżżidx zokkor jew sensation mal-ħalib. Tagħtix ħalib tal-kulur jew luminata lit-tfal. 4, It-tfal aħjar jieklu frotta minflok jixorbu l-fruit juice jew pouches bil-frott. Madankollu jekk tagħti fruit juice – mhux aktar minn darba f'ġurnata, sa 100 ml, agħtih minn tazza (mhux minn flixkun), u mal-ikel (mhux waħdu). 5. Tagħtix ħlewwiet ta’ spiss (minħabba t-taħsir tas-snien u minħabba l-ħxuna). 6. Ħu lit-tarbija għand id-dentist għal check-up meta jitfaċċaw l-ewwel snien. Il-Ħasil tas-Snien Meta joħorġu l-ewwel sinniet, ib...

It-tarbija u l-għawm

Image
It-trabi u tfal żgħar jieħdu gost jgħumu. L-għawm iservi ta’ eżerċizzju fiżiku wkoll. Wara l-ħlas l-omm aħjar ma tinżilx tgħum imqar għal sitt ġimgħat. It-tarbija tista’ titniżżel tgħum mill-ewwel ġimgħat tal-ħajja. F’Malta hawn diversi swimming classes għat-trabi u toddlers. Jekk it-tarbija għandha anqas minn sitt xhur, l-ilma jrid ikun msaħħan għal madwar 32 grad. Tista' tniżżel it-tarbija tgħum fil-baħar jekk il-baħar ma jkunx kiesaħ u jkun nadif. Uża sunblock u life vest. It-tarbija titlef is-sħana tal-ġisem malajr u m’għandhiex titħalla fl-ilma għal ħin twil. Oħroġha mill-ilma qabel turik li qed tiksaħ, ixxottha u ġeżwirha f’xugaman. Tniżżilx it-tarbija tgħum jekk ma tiflaħx jew bid-deni. Tħallix it-tarbija jew toddler weħidhom ħdejn l-ilma jew fl-ilma (fid-dar, pool jew baħar). Is-siġurtà għandha tiġi l-ewwel. It-tfal ta' kull età għandhom ikunu taħt superviżjoni kontinwa minn adult responsabbli meta jkunu qed jgħumu jew qrib il-baħar jew pool. Laħlaħ it-tarbija bl-ilma t...

Hay fever

Image
  Il-hay fever (jew allergic rhinitis) hi kundizzjoni allerġika fl-imnifsejn, l-għajnejn, il-griżmejn, is-sinuses u l-widnejn. Madwar 20% tat-tfal ibatu b'din il-kundizzjoni. Tista' taffetwa ħażin il-kwalità tal-ħajja u għalhekk huwa importanti li ssir dijanjosi u tingħata kura effettiva. SINTOMI Is-sintomi tal-hay fever jinkludu: Għatis ta’ spiss, speċjalment filgħodu. Flissjoni ċara. Imnifsejn misdudin u nifs mill-ħalq. Ħakk fl-imnieħer, griżmejn u s-saqaf tal-ħalq. Għajnejn ħomor, idemmgħu u ħakk (allergic conjunctivitis) Il-hay fever tista’ twassal għal irqad ħażin, għejja u ħedla matul il-jum, u problemi fl-imġieba u fit-tagħlim fit-tfal. Il-hay fever jista’ jkun assoċjat ukoll mal-ażma u mal-adenoids ('laħam ħażin' wara l-imnifsejn). KAWŻI Dawn it-tfal ikunu sensittivi għal ħafna affarijiet, fosthom: Il-pollen (tas-siġar, ħaxix, fjuri, speċjalment fir-rebbiegħa). House dust mites (dud mikroskopiku li jgħixu fuq il-ġilda u jinstabu fit-trab u l-għabra). Il-pil...

Il-croup

Image
Il-croup hi kundizzjoni respiratorja komuni fit-tfal u tista’ twassal għal djuq fil-passaġġi tal-arja. Tiġri l-aktar fit-tfal bejn 6 xhur u 3 snin, għalkemm tista’ taqbad tfal akbar ukoll. Is-sintomi jinkludi vuċi maħnuqa, sogħla tixbaħ kelb jinbaħ, ħoss aħrax man-nifs (stridor), u nifs mgħaġġel u tqil. Il-croup hija kkawżata minn virus (u għalhekk l-antibiotiċi ma jgħinux), u hi l-aktar komuni fix-xitwa. Is-sintomi għandhom ħabta jkunu agħar matul il-lejl. L-infezzjoni ddum madwar ġimgħa imma ġeneralment tkun fl-agħar tagħha fl-ewwel żewġt iljieli. It-tfal b’sintomi aktar qawwija jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar għall-kura, li tkun tikkonsisti fi steroids (li jnaqqsu l-ifjammazzjoni u d-djuq fil-passaġġi tal-arja), u kultant adrenalina, ossiġnu, u rarament ikun hemm bżonn il-magna tan-nifs. Ħafna tfal bil-croup jistgħu jkunu kkurati d-dar wara li jkun eżaminahom it-tabib. Fittex Għajnuna Medika Urġenti Jekk it-tifel ikollu xi wieħed minn dawn is-sinjali, mur mill-ewwel l-isptar je...

Il-Kura tal-Irjiħat fit-Tfal

Image
L-irjiħat huma kkawżati minn viruses. M’hemmx bżonn antibiotiċi għall-irjiħat – taħlix flus għalxejn, evita s-side effects, u toħloqx mikorbi reżistenti!
Il-ġisem ifejjaq lilu nnifsu imma nistgħu ngħinu lit-tfal billi intaffu s-sintomi u jħossuhom ftit aħjar. Żomm f'moħħok li s-sogħla ddum madwar ġimgħa jew tnejn biex tgħaddi, u m'hemmx għalfejn tibqa' tieħu l-mediċini sakemm tieqaf għal kollox. Mhux l-ewwel darba li t-tfal żgħar jieħdu riħ ieħor f'dan il-perjodu, speċjalment jekk ikunu jattendu n-nursery, u s-sintomi jkomplu għal aktar fit-tul. Għall-imnifsejn fgati: fit-trabi uża sprej tas-saline u iġbed il-flissjoi b’pompa apposta. Għal tfal akbar, minbarra s-saline, uża decongestant sprej tat-tfal, speċjalment qabel l-irqad, u għal ftit ġranet biss. Għallimhom u nkoraġġihom jissofjaw sewwa. Għolli s-sodda jew uża mħadda (minn sena 'l fuq) biex ir-ras tkun fl-għoli. Vapour patch (mwaħħla mal-flokk jew vest minn ġewwa) jew vapour rub (midluk fuq is-sider, imma mhu...

L-influwenza fit-tfal

Image
Sintomi Is-sintomi tal-influwenza jinkludu: Deni għoli u li jitla' f'salt, u tkexkix ta’ bard. Uġigħ ta’ ras u uġigħ fil-ġisem. Telqa u ħedla kbira. Sogħla xotta u uġigħ fil-griżmejn. Nuqqas ta’ aptit, dardir, rimettar, u uġigħ ta’ żaqq. It-tfal morda bl-influwenza jħossuhom l-agħar fl-ewwel jumejn jew tlieta.  Tixrid Il-marda hi l-aktar komuni fix-xitwa. L-influwenza tinxtered faċilment, l-aktar meta t-tfal ikunu flimkien f’post magħluq (bħal fil-klassi tal-iskola jew xi party). Tinxtered permezz ta’ qtajriet fl-arja mis-sogħla jew għatis, u b’kuntatt dirett mal-bżieq mill-idejn jew oġġetti kkontaminati. It-tfal jxerrdu l-virus minn ġurnata qabel jimirdu sa ġimgha wara. Prevenzjoni L-aktar mod effettiv biex tipprevjeni l-influwenza huwa permezz tat-tilqima li tingħata kull sena f'Novembru u Diċembru. It-tilqima hi safe u s-side effects ħfief (ftit uġigħ fejn tingħata t-tilqima, xi uġigħ fil-ġisem u deni) li jgħaddu f'ġurnata jew tnejn.  It-tilqima ti...

L-Iskarlatina

Image
L-iskarlatina (scarlet fever) hi infezzjoni kkaġunata mill-mikrobu msejjaħ streptococcus (Strep A). Tolqot l-aktar lit-tfal fl-età tal-iskola. Tissejjaħ hekk minħabba r-raxx ħamrani li joħroġ fuq il-ġilda. L-infezzjoni titfejjaq b’kors antibiotiċi, u b'hekk ikunu evitati komplikazzjonijiet fil-kliewi u rewmatiżmu. Kull sena jkun hawn xi każijiet ta’ skarlatina f’Malta, imma jiġu snin li jkun hawn aktar mis-soltu. Is-Sintomi Dawn huma s-sintomi tal-iskarlatina: Deni u tkexkix ta’ bard Il-griżmejn u ilsien iffjammati Il-glandoli tal-għonq minfuħin Raxx aħrax fil-ġilda (jinħass qisu 'sandpaper'), ħmura fuq il-wardiet tal-wiċċ u bjuda madwar il-ħalq. L-ilsien mgħotti b'lega bajda u aktar tard jidher minfuh (strawberry tongue). Linji ħomor fl-apt u postijiet oħra. Id-deni u l-ġriżmejn ħomor huma l-ewwel sintomi. Jista’ jkun hemm ukoll uġigħ ta’ ras u rimettar. L-għada li jitla’ id-deni jitfaċċa r-raxx fuq l-għonq u s-sider, li mbagħad jinfirex lejn id-dirgħajn u l-bqija tal...

Kif tipproteġi t-tarbija minn cot death

Image
Il-cot death tfisser il-mewt għall-għarrieda ta’ tarbija fl-irqad. Tista’ tiġri fl-ewwel xhur tal-ħajja. Fortunatament il-cot death hi rari ħafna. Illum nafu x’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu t-tarbija waqt l-irqad. Kif Tipproteġi t-Tarbija Dejjem raqqad it-tarbija fuq daharha; traqqadhiex fuq il-ġenb jew fuq iż-żaqq. Jekk tħalli t-tarbija man-nanniet jew carer, għidilhom ċar biex iraqqduha fuq daharha. Meta t-tarbija tkun mqajjma, ara li tagħmel ħin tilgħab fuq żaqqha (dan jgħin fl-iżvilupp tal-muskoli tal-għonq u l-ispallejn, u biex r-ras ma tiġix ċatta). (Ara: Tummy time ). It-tarbija għandha torqod fl-istess kamra mal-ġenituri. Tista’ tredda' jew tisqi t-tarbija fis-sodda tal-ġenituri, imma wara li tkun xorbot l-aħjar tqegħdha lura fil-cot tagħha. Torqodx fuq is-sufan jew putruna bit-tarbija f’dirgħajk. Uża saqqu sod mgħotti b’liżar; tpoġġix ħwejjeġ rotob taħt it-tarbija. Ħalli r-ras mikxufa, tużax imħadda, u tħallix soft-toys, biċċiet jew ħwejjeġ oħra fil-cot. Ara li ...

Bronchiolitis

Image
Il-bronchiolitis hi infezzjoni fil-pulmun fit-trabi kkawżata minn viruses differenti, l-aktar komuni fosthom huwa l-RSV (respiratory syncytial virus). Tissejjaħ hekk għax taffettwa l-passaġġi tal-arja l-aktar irqaq (bronchioles). Hi l-aktar komuni fix-xhur tax-xitwa. L-ewwel sintomi jkunu bħal riħ komuni (flissjoni u sogħla). Fil-ġranet ta’ wara jkun hemm sintomi oħra: ftit deni, sogħla persistenti u rimettar, u nifs mgħaġġel u batut. It-tarbija ma tkunx tiflaħ tixrob bħas-soltu. Ħafna minn dawn it-trabi jgħaddilhom mingħajr ebda kura fuq perjodu ta’ ġimgħa jew tnejn. Oħrajn ikunu aktar batuti u jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar. Meta tkellem tabib: Jekk it-tarbija għandha sinjali ta' infezzjoni respiratorja (sogħla, fgata, flissjoni u/jew deni) It-tarbija qed tbati biex tieħu n-nifs jew in-nifs mgħaġġel. It-tarbija tixrob anqas minn nofs il-ħalib li s-soltu tixrob jew ma tgħaddix pipi daqs is-soltu. It-tarbija tidher mdejjqa jew mħeddla.  Tħossok inkwetata aktar fuq it-tar...

Kawżi tal-Insomnia fit-Tfal

Image
  Stress It-tfal jinkwetaw bħall-adulti. Jista’ jkun bullying jew problemi oħra l-iskola; problemi d-dar (bħal ġlied fil-familja jew mard); il-biża tal-eżamijiet; bidliet li qed iseħħu fil-familja. Kaffeina Dan l-istimulant insibuh fil-kafè, ċikkulata, hot chocolate, energy drinks u colas. Mediċinali Mediċini għall-ADHD, steroids, anticonvulsants (għall-aċċessjonijiet) u oħrajn. Mard Sleep apnoea, assoċċjata wkoll mal-inħir. Ażma (sogħla bil-lejl), imniffsejn fgati minn allerġija, jew ħakk fil-ġilda minħabba l-ekżema. Ħruq ta’ stonku, growing pains u mard tat-throid ukoll jistgħu jfixxklu l-irqad. Id-dipressjoni wkoll tista’ tkun kawża ta’ nuqqas ta’ rqad. L-ambjent Storbju, saqqu u mħadda skomdi, sħana jew bard, u d-dawl (xi tfal jibżgħu jekk ma jkunx hemm ftit dawl fil-kamra. It-TV jew kompjuter jew laptop jew mobile fil-kamra tas-sodda ifixklu l-irqad. Ara wkoll L-Irqad fit-Toddles  u Sleep Problems (3-18 years)

Id-"duda" tat-tifel

Image
Meta t-tfal subien ikunu għadhom żgħar, il-ġilda li tgħatti r-ras (foreskin) tkun għadha mwaħħla. Dan huwa normali. Il-proċess naturali biex il-ġilda tinqala minn mar-ras jieħu ż-żmien. Kultant tibda tixxammar meta t-tifel jkollu xi sena, imma sikwit diversi snin wara, u kultant anke fl-adoloxxenza. Dan huwa kollu normali; it-tfal mhux kollha l-istess. Meta dan iseħħ il- foreskin tkun tista’ tixxammar faċilment u mingħajr ebda uġigħ. Sadanittant tipprovax ixxammar id-duda bi sforz , għax tikkawża uġigħ, joħroġ id-demm, u ma tirbaħ xejn, anżi aktar hemm ċans li toħloq problemi. Pariri Prattiċi Id-duda tat-tarbija u tfal żgħar m’għandiex bżonn xi kura speċjali. M’hemmx għalfejn tnaddaf fuq ġewwa sakemm tkun għadha ma tixxammarx. Meta l-ġilda tkun bdiet tixxammar, għallem lit-tifel biex jikxef u jaħsel r-ras bl-ilma, u wara jerġa’ jgħattiha. Ara li t-tifel itajjar il-pipi sewwa meta jkun għadu tarbija tat-twelid. Jekk il-pipi dejjem toħroġ bil-mod, bħal tqattar, kellem lit...

Il-bram u ħut iniggeż

Image
Fil-baħar madwar il-gżejjer Maltin insibu diversi tipi ta' bram. L-iswaba (tentacles) tal-brama huma miksija b’ċelloli jniggżu (nematocytes jew sting-cells). Meta jmissu mal-ġilda, dawn iċ-ċelloli jitfgħu valenu li jikkawża tinġiż, uġigħ, ħmura u nefħa. Naturalment wieħed m’għandux jinżel jgħum jekk ikun hemm il-bram. Madankollu, avolja ma jkunx jidher li hemm il-bram xorta waħda jista' jmissek ix-xorti li tingidem! L-ewwel għajnuna Laħlaħ il-ġerħa bl-ilma baħar (mhux bl-ilma tal-vit); tħokkx il-ġilda biex ma żżidx l-infjammazzjoni. Jekk ikunu jidhru xi biċċiet, neħħihom b’pinzetta. Jekk l-uġigħ ikun qawwi, tista' tapplika ilma sħun (sa 45°C) għal 20 minuta jew sakemm l-uġigħ jonqos. Attent minn xi samta! Agħti paracetamol jew ibuprofen jekk l-uġigħ jippersisti. Applika hydrocortisone cream. Tużax cold compress, ħall, baking soda jew surgical spirit. Ixxarrabx il-ġerħa bl-awrina. Tqaxxarx il-ġerħa b'card. Il-marka fil-ġidma tista' ddum ġimgħat biex tfieq għalkollo...

Kemm indum nisterilizza l-bottle?

Image
Huwa importanti li l-flixkun u l-gażaża ikunu ndaf, hi x'inhi l-età tat-tarbija, sabiex nipproteġu lit-tarbija minn infezzjoni fil-musrana (gastroenterite – dijarea, rimettar, deni u dehydration). Dan jgħodd kemm jekk tuża il-ħalib tal-omm jew il-ħalib tal-formula. L-awtoritajiet tas-saħħa f'pajjiżi oħra jagħtu pariri differenti fuq hekk (is- CDC  jagħtu parir li l-fliexken jiġu steriliżżati sa xahrejn filwaqt li l- NHS  sa 12-il xahar). F'Malta ħafna ġenituri jisterilzzaw il-flixkun u l-gazaza sakemm it-tarbija jkollha madwar sitt xhur. L-importanti li jkunu dejjem indaf! L-aktar metodi konvenjenti huma sterilizer li jaħdem bil-fwar jew bil-microwave. Meta ma tibqax tisterilizza aktar, xorta waħda jkun importanti li taħsel il-flixkun bi brush, il-gazaza u dak kollu li tuża biex titma' lit-tarbija (kuċċarini, bowls, eċċ) bl-ilma sħun u sapun tal-platti . Ixxottahom b'sarvetta nadifa. Żomm f'moħħok ukoll dawn il-punti dwar l-iġjene: 1. Aħsel idejk qabel tipprepar...