Il-gastroenterite (rimettar u dijarea)
Il-gastroenterite hi infezzjoni komuni fl-istonku u fl-imsaren. Is-sintomi jinkludu nuqqas ta' aptit, dardir, rimettar u dijarea. Jista’ jkun hemm ukoll uġigħ ta’ żaqq u deni. Ir-rimettar normalment jieqaf wara ġurnata jew tnejn u d-dijarea ddum madwar ġimgħa. Jista’ jkun hemm ukoll sinjali ta’ riħ bħal flissjoni u sogħla.
It-tabib jistaqsi diversi mistoqsijiet u jeżamina l-pazjent biex jara jekk hemmx sinjali ta’ dehydration u jekk hemmx xi sinjali ta’ mard ieħor li jista’ jkun imfixkel ma’ gastroenterite (bħal meninġite u obstruction tal-musrana). Mhux is-soltu jkun hemm bżonn testijiet speċjali. Ħafna tfal jistgħu jiġu kkurati d-dar. Kultant ikun hemm bżonn jiddaħħlu l-isptar għad-dripp għax jixxottaw (dehydration). Jekk ikun hemm id-demm mal-kokò jew is-sintomi jkunu qawwija, jintbagħat kampjun tal-kokò l-laboratorju biex jiġi identifikat il-mikrobu.
IL-KURA D-DAR
Xorb
L-aktar ħaġa importanti fil-kura tal-gastroenterite huwa li t-tifel jingħata jixrob ta' spiss sabiex ma jixxottax. Idealment jingħata oral rehydration solution (ORS, qratas li jitħalltu fl-ilma u fihom melħ u zokkor fi proporzjon ideali). Jekk ma jkunx irid ORS, jista' jixrob l-ilma frisk. Agħti ammonti żgħar u ta' spiss. Tagħtix luminati jew meraq tal-frott (għax iżidu d-dijarea). Jekk it-tifel ikun għadu kemm tella', stenna daqs kwarta qabel terġa’ toffrilu jixrob. It-trabi għandhom jibqgħu jingħataw il-ħalib tal-omm. It-tabib jiggwidak meta terġa’ tibda l-ħalib tal-formula.
Ikel
Għall-bidu ħalli t-tifel sajjem mill-ikel. Meta jibda jżomm ix-xorb u jkun jixtieq jiekol, tista’ tagħtih xi ħaġa tal-ikel ħafifa, ngħidu aħna ross mgħolli, tiġieġ, karrotti u patata mgħollija, tuffieħ, banana, galletti tal-melħ, cereal, toast bi ftit jam u jogurt, iżda tista’ wkoll tagħtih l-ikel tas-soltu li hu mdorri jiekol. Evita ħafna ħaxix, larinġ, kiwi u luminati.
Barrier Cream
Applika barrier cream mal-patata sabiex tipproteġi kontra t-tixwit.
Mediċini
Il-probiotics jgħinu l-musrana tiġi lura għan-normal. Ikkontrolla d-deni bil-paracetamol jew ibuprofen. Ġeneralment ma jkunx hemm bżonn antibiotiku jew mediċina biex twaqqaf ir-rimettar.
Mistrieħ
Ħalli t-tfal jistrieħu d-dar sekemm idumu morda. Il-mistrieħ jgħinhom ifiequ. Huwa normali li jkunu xi ftit imħeddla u kwieti aktar mis-soltu, speċjalment meta jkollhom id-deni.
Iġjene
Il-marid għandu jaħsel idejh tajjeb bl-ilma u s-sapun kull meta juża t-toilet, u għandu juża xugaman għalih. Żomm il-kamra tal-banju nadifa (uża diżinfettant). Aħsel idejk sewwa wara li tibdel il-ħarqa tat-tarbija. Il-membri tal-familja għandhom jaħslu idejhom ta’ spiss, speċjalment qabel l-ikel u waqt il-preparazzjoni tal-ikel.
Skola
It-tfal jistgħu jmorru lura n-nursery jew l-iskola wara li jagħmlu 24 siegħa mingħajr ebda sintomi u jkunu ġew lura f'tagħhom.
META TKELLEM IT-TABIB
Kellem lit-tabib jekk it-tfal ikollhom sintomi ta' gastroenterite (rimettar, dijarea, deni jew uġigħ ta' żaqq). Ħafna tfal bil-gastroenterite jiġu kkurati d-dar. F’dawn iċ-ċirkostanzi jista' jkun hemm bżonn tmur l-isptar.
- Jekk ikun hemm sinjali ta' dehydration: (i) nuqqas ta’ pipi (nappy xotta jew ma jgħaddix pipi għal ħin twil); (ii) il-ħalq u l-ilsien xotti; (iii) telqa u ħedla kbira (lethargy). Trabi taħt is-sena jew li kienu twieldu qabel iż-żmien (preterms) huma f’riskju akbar li jixxottaw.
- Jekk jibqa' jirremetti ta' spiss u ma jżomm ilma xejn.
- Deni għoli (aktar minn 39°C jew 102°F) jew id-deni jippersisti aktar minn 3 ijiem.
- Jekk ikun hemm id-demm mar-rimettar jew mal-kokò, jew ir-rimettar ikun aħdar.
- Jekk l-uġigħ ta’ żaqq huwa qawwi ħafna.
- Jekk it-tifel għandu uġigħ ta' ras qawwija, idejjqu d-dawl jew raxx li ma jiċċarax meta tagħfsu b'tazza tal-ħġieġ.
- Jekk il-kundizzjoni tat-tifel qed tmur għall-agħar.