Mistoqsijiet komuni dwar it-tilqim


1. X’tilqim tirrakkomanda għat-tfal tagħna?

Jien nirrikkmandalkom li tagħtuhom it-tilqim offrut b’xejn mid-Dipartiment tas-Saħħa u xi tilqim ieħor li s’issa jingħata fil-privat biss.

2. X’tilqim joffri l-gvern mingħajr ħlas?

Fl-ewwel sena: Hexyon (6-in1) (difterite, tetnu, poljo, sogħla konvulsiva, Hib, hepatitis B); Bexsero (meningococcus B); Nimenrix (meningococcus ACWY); u Synflorix (pneumococcus).

Fit-tieni sena: MMR (mumps, measles u rubella – il-gattone, ħosba u ħosba ġermaniża); u l-boosters tal-Bexsero, Synflorix, Nimenrix u Hexyon.

Fit-tielet sena: Booster tal-MMR.

Ta' 12-il sena: Gardasil-9 (HPV – human papilloma virus) (f'darbtejn, 6 xhur intervall bejniethom).

Ta' 14-il sena: dTP (difterite, tetnu u poljo) u booster tan-Nimenrix.

It-tilqim fl-iskeda nazzjonali

3. Kif nistgħu nagħtu dan it-tilqim lit-tarbija tagħna?

It-tilqim jista’ jingħata fiċ-Ċentru tas-Saħħa jew għand it-tabib tat-tfal tagħkom.

Jekk tixtiequ tagħtuhom fiċ-Ċentru tas-Saħħa, mur fil-ġurnata u l-ħin indikati fl-appuntament li tirċievu bil-posta. L-ewwel tilqim jingħata meta t-tarbija tagħlaq xahrejn.

Jekk tixtiequ tagħtu t-tilqim għand it-tabib tat-tfal tagħkom, agħmel appuntament mat-tabib għal meta t-tarbija tagħlaq xahrejn. Ħu miegħek kopja taċ-ċertifikat tat-twelid u ħassar l-appuntament taċ-Ċentru tas-Saħħa. It-tilqim huwa b’xejn; tħallsu biss tat-tabib u clinic fee.

4. X'tilqim ieħor tirrakkkomanda?

Minbarra t-tilqim li jingħata mill-gvern, nirrakkomanda wkoll dawn it-tilqim.

Fl-1 sena:
  • Nissuġġerixxi Prevenar-20 minflok Synflorix, peress li din tagħti aktar protezzjoni kontra l-pneumococcus (meninġite, pneumonia u otitis). Is-Synflorix tipproteġi kontra 10 forom tal-pneumococcus, filwaqt li l-Prevenar tipproteġi kontra 20 forma, fosthom serotype 19A li hu relattivament komuni.
  • It-tilqima kontra r-rotavirus (gatroenterite - dijareja, rimettar u dehydration), speċjalment jekk tkunu se tibgħatu lit-tarbija n-nursery qabel 8 xhur. It-tilqiima, Rotarix, tingħata bħala qtar fil-ħalq, f'darbtejn fl-ewwel sitt xhur tal-ħajja.
Fit-2 sena:
  • It-tilqima kontra l-ġidri r-riħ (chickenpox, varicella). Tingħata f'darbtejn. Din hi infezzjoni komuni u tinxtered malajr; it-tfal morda bil-ġidri jkunu skomdi bil-ponot u ħakk, u jitilfu ġimgħa skola.
It-tabella t'hawn taħt tinkludi l-bidliet ewlenin li qed nissuġġerixxi (bl-aħmar) - jiġifieri li tingħata Prevenar minflok Synflorix, u ż-żieda tat-tilqima tal-ġidri r-riħ (chickenpox).

L-iskeda tat-tilqim u l-bidliet ssuġġeriti

5. Kemm jiswew dawn it-tilqim?

Il-prezz tat-tilqim jidher hawn taħt; fil-parentesi ( ) qed nuri kemm-il doża jkun hemm bżonn. Jekk jogħġobokom ikkonfermaw il-prezzijiet mal-ispiżjar.
  • Rotavirus: Rotarix (2) €83.96
  • Pneumococcus: Prevenar (3) €62.40.
  • Chickenpox: Varilrix (2) €69.53 - Varivax (2) €64.80.
  • Hepatitis A: Havrix Junior (2) €27.36.
6. Tagħtina parir nagħtu t-tilqima tal-influwenza lit-tfal?

Iva. L-influwenza tista' tkun marda serja fit-tfal (b'deni għoli, uġigħ u rimettar, u ġieli jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar). It-tilqima tingħata b'xejn f'Novembru fiċ-Ċentri tas-Saħħa.

7. Jistgħu t-tfal li qatt ma kienu ħadu t-tilqim tal-meninġite, il-ġidri r-riħ jew hepatitis A, joħduhom aktar tard?

Iva jistgħu joħduhom, avolja tard.

8. X’jiġri jekk it-tieni jew it-tielet doża ta’ tilqima partikolari ma tingħatax fi żmien li suppost?

Ladarba d-doża nieqsa tingħata, ir-riżultat finali jkun tajjeb xorta waħda. Ma jkunx hemm bżonn li jingħataw dożi żejda jew li tibda mill-ġdid.

9. Jistgħu jingħataw żewġ jew tlett tilqimiet fl-istess jum?

Iva. Din hija l-prattika normali.

10. Tista' tingħata t-tilqima tal-MMR jew tal-ġidri r-riħ (chickenpox) lit-tfal jekk ommhom tkun tistenna tarbija?

Iva, it-tfal jistgħu jieħdu dawn it-tilqim mingħajr ebda riskju għal ommhom jew nisa tqal oħrajn. Imma l-mara ma tistax tirċievi t-tilqima tal-MMR jew tal-ġidri r-riħ minn tlett xhur qabel it-tqala u waqt it-tqala.

11. Kif nistgħu niċċekkjaw jekk it-tfal tagħna jonqoshomx xi tilqim?

It-tabib jista’ jagħtikom din l-informazzjoni billi jara l-paġna tat-tilqim fil-ktejjeb tas-saħħa tat-tfal tagħkom.

Aktar tagħrif