28 September 2012

It-Tilqima tal-Influwenza fit-Tfal

L-infuwenza hi marda infettiva kkawżata minn virus u tinxtered bis-solgħa u l-għatis, l-aktar fix-xitwa.

L-influwenza hi differenti min riħ komuni. Filwaqt li b'riħ wieħed ma tantx ikun marid - ftit flissjoni, solgħa u ħajta deni - meta jkollok l-influwenza tkun magħdur sew, b'deni għoli, uġigħ fil-griżmejn, solgħa, uġigħ ta' ras, uġigħ fl-għadam u għejja kbira. Id-deni ikun għoli u jdum diversi ġranet. Jista' jkun hemm ukoll nuqqas ta' aptit, uġigħ ta' żaqq u rimettar.

Trabi u tfal żgħar ġieli jkollhom bżonn kura l-isptar minħabba kompikazzjonijiet bħal bronkite jew dijareja, jew għal testijiet peress li s-sintomi jkunu jixbħu mard ieħor bħall-meninġite.

It-Tilqima

It-tilqima tipproteġi kontra l-influwenza għal dik is-sena u ma tagħti ebda protezzjoni kontra l-irjiħat u l-infezzjonijiet oħra. It-tilqima ma tistax tikkaġuna l-influwenza. It-tilqima trid tittieħed kull sena jekk tixtieq tkompli l-protezzjoni minn sena għal oħra.

Min Jista’ Jitlaqqam

It-tfal kollha minn sitt xhur ‘il fuq jistgħu jieħdu t-tilqima jekk il-ġenituri jixtiequ jilqgħulhom kontra l-influwenza. Trabi u tfal żgħar li jmorru playschool huma aktar f’riskju li jimirdu b’influwenza. Trabi żgħar li ma jistgħux jitlaqqmu jistgħu jiġu protetti billi l-membri l-oħra tal-familja jieħdu t-tilqima, u b'hekk ma jġibux mard fid-dar.

Side Effects

It-tilqima tal-influwenza hi safe u s-side effects huma ftit. X’uħud iħossu uġigħ fejn tingħata t-titqiba; oħrajn jitlagħlhom d-deni u jħossuhom ma jifilħux. Is-sintomi jibdew minn 6 sa 12-il siegħa wara it-titqiba u jdumu ġurnata jew tnejn. Tista’ tagħti l-paracetamol jew ibuprofen biex ittaffi l-uġigħ u d-deni.

Kif Tingħata

It-tilqima għandha tingħata f’Ottubru u Novembru, qabel tibda x-xitwa. It-tilqima ma tistax tingħata sakemm it-tfal ikunu morda bid-deni jew f’każ ta’ allerġija qawwija għall-bajd.

It-tilqima tista’ tingħata mit-tabib tat-tfal jew it-tabib tal-familja. Tfal li għandhom bejn sitt xhur u ħames snin huma intitolati li jieħdu t-tilqima b’xejn fiċ-Ċentru tas-Saħħa (mis-16 ta' Ottubru 2017). Ħu miegħek il-karta tal-identità u l-ktieb tat-tilqim.

Tfal minn 6 xhur sa 8 snin li se jitlaqqmu l-ewwel darba għall-influwenza għandhom jingħataw żewġ titqibiet, b’intervall ta’ 4 sa 6 ġimgħat bejniethom. Tfal li kienu ħadu t-tilqima fis-snin ta’ qabel, jew li għandhom aktar minn disa’ snin, jingħataw titqiba waħda. Trabi u tfal sa 3 snin jingħataw 0.25 ml; minn 3 snin 'il fuq, 0.5 ml.

Updated October 2017