It-tilqima tal-MMR
Ninkwieta meta nisma’ li xi wħud qed ibeżżgħu lill-ġenituri mit-tilqima tal-MMR (mumps, measles u rubella). Jgħidulhom li l-MMR tikkawża l-awtiżmu. Fil-fatt m’hemm ebda evidenza xjentifika li dan hu minnu.
L-istorja bdiet fl-1998 meta Dr Wakefield ippublika studju żgħir (12-il tifel u tifla) fil-ġurnal mediku, il-Lancet, li wera il-possibbilità ta’ rabta bejn it-tilqima u l-awtiżmu. Illum nafu li dak l-istudju kien żbaljat u frodulenti. Il-Lancet qata' barra l-artiklu, u Wakefield tkeċċa mill-kunsill mediku tar-Renju Unit.
Minn dak iż-żmien saru diversi studji minn mijiet ta’ riċerkaturi fuq perjodu ta’ ħafna snin, f’pajjiżi differenti, li kienu jinkludu mijiet ta' eluf ta’ tfal. Dawn l-istudji kollha juru ċar li l-MMR ma tikkawżax l-awtiżmu.
Sfortunatament ħafna ġenituri beżgħu jagħtu t-tilqima, speċjalment fl-Ewropa, u għalhekk dan l-aħħar snin kien hemm żieda kbira fil-ħosba u l-gattone fit-tfal, bil-konsegwenzi koroh li jistgħu jġibu magħhom, fosthom telf ta’ smigħ, infertilità u marda fil-moħħ (encephalitis) li eventawalment twassal għall-mewt.
Minkejja r-riċerka li saret, ma tantx nafu dwar il-kawżi li jwasslu għall-awtiżmu. Nafu li hemm fattur ġenetiku qawwi u li l-problema tibda saħansitra qabel it-twelid, għalhekk is-sinjali ċari tal-awtiżmu jidhru fit-tieni sena.
Forsi għalhekk xi wħud jaħsbu li l-MMR tikkawża l-awtiżmu, peress li s-sinjali tal-awtiżmu joħorġu ċari fix-xhur wara li t-tarbija tingħata t-tilqima (ta' tlettax-il xahar). Din hi biss koinċidenza għax nafu l-persentaġġ tat-tfal bl-awtiżmu huwa l-istess fost dawk li kienu ħadu l-MMR u dawk li qatt ma ħaduha.
Nagħder lill-ġenituri li għandhom tfal ibatu bl-awtiżmu, imma ma nistax ngħid l-istess għal dawk li jxerrdu informazzjoni falza. Minħabba l-biża’ u d-dubbju li jiżirgħu, xi ġenituri jagħżlu li ma jagħtux it-tilqima lil uliedhom u b'hekk jesponuhom għar-riskju tal-ħosba u l-gattone bil-konsegwenzi koroh li jistgħu jġibu magħhom.
Jekk se nibża’ minn xi ħaġa, nibża’ mill-mard li jwassal għal tant tbatija u l-mewt. Lit-tfal tiegħi ngħożżhom daqs il-mimmi t'għajnejja u għalhekk tajthom it-tilqima tal-MMR sabiex inħarishom mill-mard. Minn qalbi nħeġġeġ lill-ġenituri biex jipproteġu lil uliedhom li tant jħobbu billi jagħtuhom it-tilqima tal-MMR kif jirrakkomandaw l-awtoritajiet tas-saħħa f'Malta u mad-dinja kollha.
Mistoqsijiet
1. Nista' nagħti t-tilqima tal-MMR aktar tard?
F'Malta l-ewwel titqiba tal-MMR tingħata ta' 13-il xahar u booster bejn tlieta u erba' snin. Hemm ġenituri li minħabba l-biża' jagħżlu li jagħtu l-ewwel tilqima aktar tard. Huwa aħjar li jagħtu t-tilqima tard milli ma jagħtuha xejn. Però l-ġenituri jridu jżommu f'moħħhom li f'dak l-intervall it-tfal tagħhom ikunu suġġetti li taqbadhom il-ħosba jew il-gattone li jistgħu jwasslu għal problemi serji.
2. L-MMR hi obbligatorja bil-liġi f'Malta?
It-tilqima tal-MMR hi rakkomandata mid-Dipartiment tas-Saħħa u offruta b'xejn fiċ-Ċentri tas-Saħħa u għand it-tabib privat. Avviż legali tal-1989 issemmi biss it-tilqima tar-rubella għall-bniet, imma mhux it-tilqima tal-MMR.
3. X'inhuma s-side effects tal-MMR?
Is-side effects l-aktar komuni huwa d-deni bejn 7 U 10-il jum wara t-tilqima. Rari jaf ikun hemm aċċessjoni tad-deni. Jista' jkun hemm raxx fil-ġilda u xi side effects oħra.
Aktar informazzjoni:
2. MMR Vaccine (NHS website)
3. Stqarrija dwar l-MMR mill-ispeċjalisti tat-tfal Maltin
Disclaimer
L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.