It-tilqima tal-MMR


Ħafna ġenituri jinkwetaw meta jiġu biex jagħtu t-tilqima tal-MMR lit-tfal tagħhom. Dan għaliex ikunu semgħu li l-MMR tikkawża l-awtiżmu. Fil-fatt m’hemm ebda evidenza xjentifika li dan hu minnu. 
  • Din l-istorja bdiet fl-1998 mal-pubblikazzjoni ta’ studju fil-ġurnal mediku The Lancet. L-awturi kitbu fl-istess artiklu: “We did not prove an association between measles, mumps, and rubella vaccine and the syndrome described.” Imma mbagħad l-awtur ewlieni ta messaġġ differenti lill-media. Id-dubju u l-misinformazzjoni nxterdu mad-dinja.
  • Aktar tard intwera li dak l-istudju kien frodulenti, u tneħħa mil-Lancet. Minn dak iż-żmien saru diversi studji xjentifiċi fuq perjodu ta’ ħafna snin, f’pajjiżi differenti, li kienu jinkludu miljuni ta’ tfal. Dawn l-istudji kollha juru ċar li l-MMR ma tikkawżax l-awtiżmu.
Sfortunatament, minħabba d-dubju miżrugħ, ħafna ġenituri beżgħu jagħtu t-tilqima lil uliedhom, speċjalment fl-Ewropa. Għaldaqstant dan l-aħħar snin kien hemm outbreaks ta' ħosba u l-gattone fit-tfal, bil-konsegwenzi koroh li jistgħu jġibu magħhom, fosthom telf ta’ smigħ, infertilità u kundizzjoni serja fil-moħħ (encephalitis) li eventwalment twassal għall-mewt.

L-Awtiżmu

Forsi wieħed jistaqsi, x'jikkawża l-awtiżmu? Ir-riċerka turi li l-ġenetika hija l-fattur ewlieni, u li l-problema tibda qabel it-twelid, għalkemm is-sinjali ċari tal-awtiżmu ġeneralment ma jidhrux qabel it-tieni sena. 

Forsi għalhekk xi wħud jaħsbu li l-MMR tikkawża l-awtiżmu, peress li s-sinjali tal-awtiżmu joħorġu ċari fix-xhur wara li t-tarbija tingħata t-tilqima (ta' tlettax-il xahar). Din hi biss koinċidenza għax nafu l-persentaġġ tat-tfal bl-awtiżmu huwa l-istess fost dawk li kienu ħadu l-MMR u dawk li qatt ma ħaduha.

Mistoqsijiet

1. Nista' nagħti t-tilqima tal-MMR aktar tard?

F'Malta l-ewwel doża tal-MMR tingħata ta' 13-il xahar; il-booster bejn tlieta u erba' snin. Hemm ġenituri li minħabba l-biża' jagħżlu li jagħtu l-ewwel tilqima aktar tard. Huwa aħjar li jagħtu t-tilqima tard milli ma jagħtuha xejn. Però l-ġenituri jridu jżommu f'moħħhom li f'dak l-intervall it-tfal tagħhom ikunu suġġetti li taqbadhom il-ħosba jew il-gattone li jistgħu jwasslu għal problemi serji.

2. L-MMR hi obbligatorja bil-liġi f'Malta?

It-tilqima tal-MMR hi rakkomandata mid-Dipartiment tas-Saħħa u offruta b'xejn fiċ-Ċentri tas-Saħħa u għand it-tabib privat. Avviż legali tal-1989 issemmi biss it-tilqima tar-rubella għall-bniet, imma mhux it-tilqima tal-MMR.

3. X'inhuma s-side effects tal-MMR?

Is-side effect l-aktar komuni huwa d-deni bejn 7 u 10-il jum wara t-tilqima. Rari jaf ikun hemm aċċessjoni tad-deni. Jista' jkun hemm raxx fil-ġilda u xi side effects oħra. Għad-deni tista' tagħti paracetamol jew ibuprofen. Kellem lit-tabib jekk (1) id-deni jdum aktar minn 24 siegħa; (2) it-toddler ikun jidher marid; (3) ikollu xi sintomi jew raxx.

Aktar informazzjoni:

2. Stqarrija dwar l-MMR mill-ispeċjalisti tat-tfal Maltin