It-Tilqima tal-Hepatitis A


X’inhi l-hepatitis A?

Il-hepatitis A (bil-Malti, l-epatite A) hija infezzjoni tal-fwied.

X’jikkawża din l-infezzjoni?

L-epatite A hi kkawżata minn virus (Hepatitis A virus, HAV).

Kif tinxtered din il-marda?

Il-virus jinxtered minn ikel jew xorb ikkontaminat bl-ippurgar ta’ persuna infettata bil-virus. Dan jista’ jiġri b’diversi modi:
  • Tiekol ikel ippreparat minn xi ħadd li għandu l-virus u li ma ħasilx idejh sewwa wara li uża t-toilet.
  • Tixrob ilma ikkontaminat (inkluż ice cubes).
  • Tiekol frott tal-baħar nej (bħal shellfish) ġej minn ilma mniġġes bid-drenaġġ.
  • Mis-sess jew jekk tkun qrib persuna li għandha l-virus (anke jekk ma jkollhiex sintomi).
X’inhuma s-sintomi?

Is-sintomi jibdew madwar 4 ġimgħat minn meta tieħu l-virus, u jinkludu għejja, telqa, uġigħ fil-ġogi u fil-muskoli, deni, nuqqas ta’ aptit, dardir, uġigħ ta’ żaqq, dijarea, suffejra, awrina skura, ippurgar ċar, u ħakk fil-ġilda. It-tfal jista’ ma jkollhomx sintomi.

Il-marda ddum madwar xaharejn.

Konsegwenzi fit-tul huma rari.

Kif tista’ tipproteġi t-tfal?

It-tilqima hi l-aħjar mod biex tipproteġi t-tfal kontra l-epatite A, speċjalment jekk se ssiefru f’xi pajjiż fejn il-livell sanitarju huwa fqir. It-tilqima, Havrix Junior, tista’ tingħata minn sena 'l fuq, f’darbtejn (b’intervall ta’ sitt xhur bejn l-ewwel u t-tieni tilqima). Is-side effects huma ħfief.

L-iġene hi dejjem importanti biex tevita l-epatite u mard ieħor (bħall-gastroenterite). Tieħux ikel nej (bħal frott tal-baħar). Meta tkun imsiefer, ixrob biss ilma tal-flixkun jew ilma mgħolli, anke għall-ħasil tas-snien.