Bronchiolitis
Il-bronchiolitis hi infezzjoni fil-pulmun fit-trabi kkawżata minn viruses differenti, l-aktar komuni fosthom huwa l-RSV (respiratory syncytial virus). Tissejjaħ hekk għax taffettwa l-passaġġi tal-arja l-aktar irqaq (bronchioles). Hi l-aktar komuni fix-xhur tax-xitwa.
L-ewwel sintomi jkunu bħal riħ komuni (flissjoni u sogħla). Fil-ġranet ta’ wara jkun hemm sintomi oħra: ftit deni, sogħla persistenti u rimettar, u nifs mgħaġġel u batut. It-tarbija ma tkunx tiflaħ tixrob bħas-soltu.
Ħafna minn dawn it-trabi jgħaddilhom mingħajr ebda kura fuq perjodu ta’ ġimgħa jew tnejn. Oħrajn ikunu aktar batuti u jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar.
Meta tkellem tabib:
- Jekk it-tarbija għandha sinjali ta' infezzjoni respiratorja (sogħla, fgata, flissjoni u/jew deni)
- It-tarbija qed tbati biex tieħu n-nifs jew in-nifs mgħaġġel.
- It-tarbija tixrob anqas minn nofs il-ħalib li ssoltu tixrob jew ma tgħaddix pipi daqs is-soltu.
- It-tarbija tidher mdejjqa jew mħeddla.
- Tħossok inkwetata aktar fuq it-tarbija jew taħseb li sejra għall-agħar (anke jekk qabel kien ra tabib).
Ċempel ambulanza (112):
- It-tarbija qed tiġġieled biex tieħu n-nifs, issir pallida u tixxarrab bil-għaraq.
- Ix-xofftejn u l-ilsien jidhru blù.
- It-tarbija tieqaf tieħu n-nifs fit-tul.
Kura
Il-mediċini ftit li xejn jgħinu. Il-ġisem ifejjaq lilu nnifsu fuq perjodu ta’ ġimgħa jew tnejn. Ħafna drabi t-tarbija tiġi kkurata d-dar. Ara li tixrob biżżejjed biex ma tixxottax mill-ilma. Jekk tkun tidher mdejjqa jew ikollha d-deni, tista’ tagħti paracetamol. Naddaf l-mniffsejn bi ftit saline sprey.
Dawk li jkun aktar morda jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar għall-ossiġenu u monitoring. Trabi prematuri, speċjalment fl-ewwel xhur tal-ħajja, u trabi li għandhom problemi fil-qalb jew il-pulmun, għandhom aktar riskju li jkollhom bżonn jidħlu l-isptar.
Prevenzjoni
Il-virus jinxtered mas-sogħla u l-għatis, u jittieħed mill-arja u oġġetti kkontaminati bil-virus. Huwa diffiċli li tipprevjeni din l-infezzjoni. L-iġjene tgħin (ħasil tal-idejn, użu ta' alcohol hand-rub u tindif ta’ fejn ikunu t-tfal). Tħallix nies morda, imqar bi ftit flissjoni jersqu lejn it-tarbija; evita li tieħu t-tarbija fejn ikun hemm ħafna nies u tfal; u tħallix nies jpejpu fid-dar.