Id-deni fit-tfal
Fil-Qosor
- Ħu t-temperatura taħt l-abt (armpit) b'termometru diġitali.
- Aqra' t-temperatura kif tiġi, mingħajr ma żżid jew tnaqqas xejn.
- Id-deni jibda minn 37.5°C (99.5°F).
- Uża pararcetamol jew ibuprofen jekk it-tifel ikun mdejjaq bid-deni jew uġigħ.
- Offri ta' spiss ilma u xorb ieħor sabiex ma jixxottax.
- Tużax biċċa niedja (tepid sponging) biex tniżżel it-temperatura.
- Kellem lit-tabib tat-tfal meta t-tfal ikollhom id-deni f'dawn iċ-ċirkostanzi: (1) trabi taħt is-sena; (2) jekk it-tfal ikunu jidhru morda, ma jifilħux, jew ikollhom xi sintomi (sogħla, uġigħ, nifs mgħaġġel, telqa, rimettar, raxx fil-ġilda, eċċ). (3) Trabi iżgħar minn 3 xhur bid-deni għandhom jittieħdu l-isptar mill-ewwel.
Id-Deni
Il-ġisem iżomm it-temperatura stabbli, madwar 36-37˚C, tkun xi tkun it-temperatura fl-ambjent. Meta t-temperatura togħla 'l fuq minn normali jfisser li hemm: (1) infezzjoni; (2) reazzjoni għat-tilqima; jew (3) it-tarbija tkun xotta jew msaħħna żżejjed.
Is-snien ma jtellgħux deni.
Waqt li jkun tiela’ d-deni it-tifel iħoss tkexkix ta’ bard waqt li t-truf t’idejh ikun kesħin. Meta jitla' d-deni it-tifel ikun jinħass jaħraq, jidher ruxxan, u jista' jixxarrab bil-għaraq.
It-Termometru
It-termometru diġitali huwa l-aħjar għażla għax hu preċiż u faċli biex taqrah. Ma nirrakkomanda l-ebda termometru ieħor.
Kif Tieħu t-Temperatura
Agħfas il-buttuna; poġġi t-tarf tat-termometru f'nofs l-abt imiss dirett mal-ġilda; iġbed id-driegħ 'il ġewwa, u żomm it-termometru sod. Stenna sakemm idoqq. Aqra t-temperatura kif tiġi, mingħajr ma żżid jew tnaqqas xejn.
Id-deni jibda minn 37.5˚C (99.5˚F).
Kif Tikkontrolla d-Deni
It-tfal żgħar jittolleraw id-deni u għalhekk m’hemmx bżonn li dejjem tagħti l-mediċini għad-deni. Id-deni jgħin biex il-ġisem jiġġieled l-infezzjoni. Jekk it-tifel ikun skomdu, tajjeb li tagħti paracetamol, ibuprofen jew diclofenac biex iħossu aħjar. Huwa importanti li tagħti d-doża korretta. Il-paracetamol jista’ jingħata kull 4 sigħat, skond il-bżonn, sa massimu ta’ erba’ darbiet f’24 siegħa.
Tużax biċċa niedja (‘tepid sponging’) jew banju/shower biex tniżżel id-deni. Ara li t-tifel ikun liebes komdu. Tneżżagħhomx. Żomm it-temperatura tal-kamra komda, imma mhux kiesħa.
Bid-deni t-tifel jitlef ħafna ilma fl-għaraq u man-nifs. Għalhekk inkoraġġih biex jixrob (ilma, ħalib, jogurt, brodu, jelly, meraq tal-frott, eċċ) sabiex ma jixxottax. Tisforzahx jiekol. Huwa normali li meta jkunu morda, it-tfal jitilfu xi ftit l-aptit u għalhekk jieklu anqas mis-soltu.
It-tfal morda għandhom jistrieħu, imma mhux bil-fors fis-sodda. Ġeneralment it-tfal jistgħu jirritornaw l-iskola wara li jkun niżel id-deni għal 24 siegħa, u jkunu jħossuhom tajjeb.
Meta Tkellem it-Tabib
Id-deni għoli mhux dejjem jindika infezzjoni serja; mill-banda l-oħra t-tfal jista' jkollhom infezzjoni serja avolja ma jkollhomx deni għolja. Għalhekk huwa importanti li tagħti każ tal-kundizzjoni ġenerali tat-tifel u sintomi oħra. Staqsi lilek nnifsek: it-tifel għadu jilgħab, żvelt, jitbissem u jidħak, speċjalment x’ħin ma jkollux deni? Jew jidher imdejjaq, mgħaxxex jew miġugħ? Qiegħed ibati biex jieħu n-nifs jew in-nifs mgħaġġel?
Fittex għajnuna medika f’dawn iċ-ċirkostanzi:
- Deni f’tarbija mit-twelid sakemm ikollha tlett xhur, avolja t-tarbija ma tkunx tidher marida.
- Deni f’tarbija taħt is-sena jekk tkun tidher ma tiflaħx.
- Fit-tfal ta’ kull età, jekk id-deni jibqa’ jippersisti aktar minn 3 ijiem.
- Ikun hemm sintomi bħal nifs mgħaġġel jew nifs batut, biki kontinwu, telqa jew ħedla kbira, raxx bħal tbenġil (li ma jiċċarax meta tagħfas tazza tal-ħġieġ fuqu), uġigħ fil-griżmejn jew widnejn, aċċessjoni u rimettar jew dijareja frekwenti.
Kellem tabib jekk tħossok inkwetata u jekk il-kundizzjoni tmur għall-agħar anki jekk qabel kien diġa’ rah tabib.
L-Aċċessjoni tad-Deni
Tfal minn 6 xhur sa 5 snin, speċjalment it-toddlers, jista’ jagħtihom aċċessjoni bid-deni. It-tifel jintilef minn sensieh, jibbies, xofftejh jikħalu, u wara ftit jibda jagħti b’idejh u saqajh. L-aċċessjoni ddum ftit minuti. It-tifel jorqod wara li tgħaddi l-aċċessjoni u bla ebda konsegwenzi.
F’każ ta’ aċċessjoni, ibqa’ kalm, innota x’ħin bdiet, oqgħod ħdejn it-tifel u ara li ma jaqax jew jaħbat ma x’imkien u jweġġa’. Ixxarbux, tagħtix mediċini, tipprovax twaqqaf iċ-ċaqliq jew tqiegħed subgħajk jew xi oġġett f’ħalqu. Meta tieqaf l-aċċessjoni qiegħed it-tifel fuq ġenbu u għamillu suppożitorju tad-deni. Wara l-aċċessjoni kellem tabib biex jeżamina t-tifel u jara minn fejn ġej id-deni.
Jekk l-aċċessjoni ddum aktar minn 5 minuti, ċempel 112, u staqsi għall-ambulanza. Tieħux it-tifel l-isptar fil-karozza privata.