Hay fever
Il-hay fever (jew allergic rhinitis) hi kundizzjoni allerġika fl-imnifsejn, l-għajnejn, il-griżmejn, is-sinuses u l-widnejn.
Madwar 20% tat-tfal ibatu b'din il-kundizzjoni. Tista' taffetwa ħażin il-kwalità tal-ħajja u għalhekk huwa importanti li ssir dijanjosi u tingħata kura effettiva.
SINTOMI
Is-sintomi tal-hay fever jinkludu:
- Għatis ta’ spiss, speċjalment filgħodu.
- Flissjoni ċara.
- Imnifsejn misdudin u nifs mill-ħalq.
- Ħakk fl-imnieħer, griżmejn u s-saqaf tal-ħalq.
- Għajnejn ħomor, idemmgħu u ħakk (allergic conjunctivitis)
- Il-hay fever tista’ twassal għal irqad ħażin, għejja u ħedla matul il-jum, u problemi fl-imġieba u fit-tagħlim fit-tfal. Il-hay fever jista’ jkun assoċjat ukoll mal-ażma u mal-adenoids ('laħam ħażin' wara l-imnifsejn).
KAWŻI
Dawn it-tfal ikunu sensittivi għal ħafna affarijiet, fosthom:
- Il-pollen (tas-siġar, ħaxix, fjuri, speċjalment fir-rebbiegħa).
- House dust mites (dud mikroskopiku li jgħixu fuq il-ġilda u jinstabu fit-trab u l-għabra).
- Il-pil tal-annimali bħal qtates u klieb.
- L-ispori tal-moffa.
- Duħħan tas-sigarretti.
DIJANJOSI
It-tabib jasal għall-dijanjosi billi jistaqsi dwar is-sintomi u jeskludi possibilitajiet oħra, bħal irjiħat u adenoids. Kultant ikun bżonn testijiet tal-allerġija fil-ġilda biex wieħed jidentifika eżatt il-kawża tal-allerġija.
KURA
Il-hay fever ma tistax titfejjaq imma tista’ tiġi kkontrollata.
Sakemm ikun possibbli wieħed irid jevita dawk il-ħwejjeġ li jikkawżaw l-allerġija, fosthom is-sigarretti.
Il-kura medika tinkludi:
- Mediċina antihistamine tittieħed darba kuljum filgħaxija bħala mistura (peress li għall-bidu tista’ tħeddel xi ftit), u tittieħed fit-tul. Aħsel is-snien wara li tagħti l-mediċina (minħabba t-taħsir tas-snien).
- Sprej tal-isteroids fl-imnifsejn. Peress li d-doża tal-isteroid hi żgħira, u hi applika fl-imnifsejn biss, is-side effects huma minimi.
- Taqtir antihistamine fl-għajnejn.