Il-croup

Il-croup hi kundizzjoni respiratorja komuni fit-tfal u tista’ twassal għal djuq fil-passaġġi tal-arja. Tiġri l-aktar fit-tfal bejn 6 xhur u 3 snin, għalkemm tista’ taqbad tfal akbar ukoll.
Is-sintomi jinkludi vuċi maħnuqa, sogħla tixbaħ kelb jinbaħ, ħoss aħrax man-nifs (stridor), u nifs mgħaġġel u tqil.
Il-croup hija kkawżata minn virus (u għalhekk l-antibiotiċi ma jgħinux), u hi l-aktar komuni fix-xitwa. Is-sintomi għandhom ħabta jkunu agħar matul il-lejl. L-infezzjoni ddum madwar ġimgħa imma ġeneralment tkun fl-agħar tagħha fl-ewwel żewġt iljieli.
It-tfal b’sintomi aktar qawwija jkollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar għall-kura, li tkun tikkonsisti fi steroids (li jnaqqsu l-ifjammazzjoni u d-djuq fil-passaġġi tal-arja), u kultant adrenalina, ossiġnu, u rarament ikun hemm bżonn il-magna tan-nifs. Ħafna tfal bil-croup jistgħu jkunu kkurati d-dar wara li jkun eżaminahom it-tabib.
Fittex Għajnuna Medika Urġenti
Jekk it-tifel ikollu xi wieħed minn dawn is-sinjali, mur mill-ewwel l-isptar jew ċempel 112:
- Nifs mgħaġġel tant li ma jkunx jiflaħ jitkellem jew jiekol.
- Ħoss aħrax man-nifs (stridor).
- Lewn kaħlani madwar il-ħalq jew il-ġilda tidher pallida.
- It-tifel jidher wisq imdejjaq, imħawwad jew mħeddel iżżejjed.
- Deni għoli jew ibeżlaq.
Il-Kura fid-Dar
Ħafna tfal bil-croup jistgħu jieħdu l-kura d-dar wara li jkun eżaminahom it-tabib.
- Agħti l-mediċini li jiktiblek it-tabib.
- M’hemmx evidenza li l-fwar jgħin (u jista’ jwassal għal xi samta aċċidentali).
- Inkoraġġixxi lit-tifel jixrob (ilma, ħalib, eċċ) biex ma jixxottax.
- Agħti paracetamol jew ibuprofen jekk it-tifel ikun mdejjaq bid-deni.
- Iċċekkja kif ikun sejjer minn ħin għal ieħor, inkluż matul il-lejl.
- Ħu lit-tifel l-isptar jekk il-kundizzjoni tiegħu tmur għall-agħar jew jekk tħossok aktar inkwetata fuqu.
Ftakar
- Il-croup hi infezzjoni li tista’ tiggrava malajr.
- Is-sintomi huma l-agħar matul il-lejl.
- Jekk in-nifs ikun mgħaġġel u batut, jew jekk it-tifel ikun jidher wisq imdejjaq, tiddawwarx biex tfittex għajnuna medika.
Hemm kundizzjonijiet oħra li jistgħu iwasslu għal diffikultà fin-nifs, bħall-ażma, bronchiolitis u wheezy bronchitis. Wieħed ma jippretendix li l-ġenituri jagħrfu dawn il-kundizzjonijiet, imma hu x’inhu, jekk it-tifel ikun qed ibgħati biex jieħu n-nifs, jew qed jieħu n-nifs mgħaġġel, tant li bilkemm ikun jista’ jitkellem jew jixrob, il-parir tiegħi hu li tfittxu l-għajuna medika immedjatament, u jekk ikun hemm bżonn ħuduħ l-emerġenza. Fejn jidħol il-nifs, ma nistgħux nieħdu riskji.
Updated Jannar 2025.