Il-Meraq tal-Frott


Sfortunatament ħafna tfal Maltin qed jixorbu wisq meraq tal-frott (fruit juice) u xarbiet oħra li fihom iz-zokkor miżjud.

Il-meraq jixorbuh malajr u għalhekk faċilment jieħdu żżejjed. Aħseb ftit: jekk tifel tagħtih jiekol larinġa, ma jkunx irid oħra. Imma jekk tagħtih tazza meraq tal-larinġ tkun tajtu żewġ larinġiet jew tlieta. Dan ifisser darbtejn jew tliet darbiet aktar zokkor!

Iz-zokkor żejjed fil-meraq u xarbiet ħelwin jista’ jwassal diversi problemi:
  1. ħxuna;
  2. nefħa fiż-żaqq, gass u dijarea;
  3. taħsir tas-snien.
Frott

It-tfal għandhom jingħataw tlett frottiet kuljum. Hu ferm aħjar li jieklu frott sħiħ milli jixorbu l-meraq tiegħu, għax il-frotta fiha l-fibra waqt li l-meraq ma fih xejn. Tista’ wkoll tagħmel fruit salads, smoothies u lollies bil-frott u jogurt.

Meraq tal-Ftott

L-aħjar li ma tagħtix meraq tal-frott lit-tfal. Jekk tagħżel li tagħtihom, illimitah għal madwar 100 ml kuljum (nofs tazza). Agħti frott magħsur frisk (eżempju, larinġa waħda magħsura). Tista’ tagħti wkoll 100% fruit juice. Tagħtix fruit drink, li minbarra l-meraq tal-frott, ikollu miżjud ħafna zokkor. Tagħtix xarbiet mimlija zokkor bħal squashes, ice-tea, luminati u ħalib tal-kulur. L-aħjar xarbiet għat-tfal huma l-ilma u ħalib.

Is-Snien

Il-meraq tal-frott jista’ jwassal għat-taħsir tas-snien minħabba l-aċtu u z-zokkor li fih. Din hi raġuni oħra għaliex għandna nillimitaw l-ammont totali ta’ meraq, u li nagħtuh darba waħda fil-ġurnata. Barra minn hekk il-meraq għandu jinxtorob mal-ikel, mhux waħdu. It-tfal m’għandhomx jingħataw meraq tal-frott (u l-ebda ikel jew xorb ieħor) wara l-ħasil tas-snien filgħaxija.

It-Tarbija

It-tarbija għandha tingħata tixrob ħalib u ilma biss. Iżżid xejn mal-ħalib. Tagħtihiex tixrob l-ilma tat-tuffieħ mgħolli jew meraq tal-frott. Il-meraq tal-larinġ frisk jista’ jiżdied mal-frott magħsur jew fuq il-biċċiet tal-frott. Meta t-tarbija tkun kapaċi tiekol biċċiet tal-ikel, tista' tagħtiha flieli tal-larinġ mqaxxrin sewwa u mqattgħin f'biċċiet żgħar.

Fil-Qosor
  • Wisq meraq tal-frott jista’ jwassal għall-obesità, sintomi fiż-żaqq, u taħsir fis-snien.
  • L-aħjar frott sħiħ. Tlett frottiet kuljum. Il-ġenituri għandhom jgħallmu bl-eżempju.
  • Jekk tagħti meraq tal-frott, għażel meraq magħsur frisk jew 100% fruit juice, mhux fruit drinks oħrajn jew xarbiet biz-zokkor.
  • Illimita l-meraq tal-frott għal 100 ml, darba kuljum, u waqt l-ikel.
  • Tagħtix meraq u xorb ħelu ieħor lit-tarbija.