Toilet Training

It-toilet training għandu jinbeda meta t-tifel jew it-tifla jkunu preparati u maturi biżżejjed. Jekk tibda kmieni ħafna, jew fi żmien ħażin (ngħidu aħna meta tkun ġejja tarbija oħra jew waqt li qegħdin iġġorru għal dar ġdida), il-proċess jista’ jkun aktar diffiċli u jieħu aktar fit-tul. (Għas-sempliċitá se nitkellem fuq ‘it-tifel’ – imma naturalment l-istess jgħodd għall- bniet).

It-tifel ikun lest għall-potty training meta:
  • Idum aktar minn sagħtejn bin-nappy xotta matul il-jum
  • Jinteressa ruħu meta l-mama, il-papa jew ħutu jużaw it-toilet
  • Jibda jiddejjaq bil-ħarqa imxarrba jew maħmuġa
  • Ikun kapaċi jifhem spjegazzjonijiet sempliċi.
Il-parti l-kbira tat-tfal jaqtgħu l-ħarqa matul il-jum bejn sentejn u tlieta; hemm uħud li jirnexxielhom qabel, u ftit oħrajn li jdumu aktar minn tlett snin. Il-bniet jaqtgħu l-ħarqa qabel is-subien.

Preparazzjoni

Ħalli t-tifel jidħol fil-kamra tal-banju miegħek, u għidlu bi kliem sempliċi x’inti tagħmel, u urih kif wara tifflaxxja u taħsel idejk. Ħu t-tifel miegħek biex jagħżel il-potty tiegħu, u ħallih jilgħab bih u jpoġġi fuqu, għall-bidu anke bil-ħwejjeġ b’kollox, biex isir familjari miegħu.

Taħriġ

Agħżel ġurnata biex tibda t-taħriġ. Libbsu qalziet ta’ taħt minflok il-ħarqa. Libbsu qalziet ta’ fuq li faċli jitniżżel jew ħallih bil-qalziet ta’ taħt biss. Xi ġenituri jagħżlu li jibdew il-potty training fis-sajf, imma l-potty training jista’ jsir f’kull żmien tas-sena jekk it-tifel ikun lest għalih.

Għid lit-tifel jgħidlek jekk iħoss li se jagħmel pipì jew kokò. Kull siegħa jew sagħtejn fakkru jekk għandux bżonn jagħmel pipì. Ħudu fuq il-potty meta jgħidlek, jekk ikun irid meta tfakkru, u meta tintebaħ li se jagħmel. Oqgħod mat-tifel waqt li jkun fuq il-potty u kellmu biex jirrilassa. M’hemmx għalfejn idum fuq il-potty għal ħin twil.

Għallem lit-tifla titnaddaf minn quddiem għal wara (biex tevita ħmura fil-parti tagħha u infezzjoni fil- pipì). Ħalli t-tifel jarak tbattal il-potty għal ġot-toilet u ħallih jifflaxxja. Lit-tifel għallmu jagħmel pipì dirett fil-potty jew ġo container tal-plastik (li ssibu komdu barra mid-dar). Mill-bidu darri t-tifel jaħsel idejh bl-ilma u s-sapun wara li juża it-toilet.

Uri entużjażmu! Faħħru meta jmur fil-kamra tal-banju fuq il-potty, avolja ma jagħmel xejn. Faħħru aktar kull meta jagħmel! Għidlu kemm hu bravu u li issa qed jagħmel bħal kbar!

Huwa normali li għall-bidu tat-taħriġ, it-tifel jagħmel taħtu u jixxarrab kemm-il darba matul il-jum. Il-potty training jista’ jdum ftit ġranet biss, imma jista’ idum diversi xhur. Kun paċenzjuża. Qatt m’għandek tagħtih kastig, tumiljah jew iċċanfru meta jagħmel taħtu. Meta tiskappalu il-pipì jew il-kokò, iġġibx id-dinja fit-tarf; biddillu ħwejġu bil-kwiet waqt li tqawwilu qalbu biex darba oħra jirnexxielu. Ara li jkollok tibdila miegħek meta toħorġu jew tieħdu n-nursery.

Għall-bidu kompli uża in-nappy jew pull-up waqt ir-raqda ta’ waranofsinhar u matul il-lejl. Ipprova neħħi n-nappy meta konsistentament jibqa’ xott x’ħin iqum mill-irqad.

Meta t-tifel jitgħallem juża l-potty sewwa, aqleb għal toilet-seat u banketta biex iserraħ saqajh fuqha.

Problemi

Jekk tara li m’inti tasal imkien u kulħadd frustrat, ikun aħjar tieqaf għal ftit ġimgħat qabel terġa’ tipprova. Ċertament m’hemmx post għat-tensjoni, għajjat jew kastigi.

Xi tfal jagħmlu pipì jew kokò f’postijiet strambi (ngħidu aħna wara l-pultruna jew il-purtiera). Jieqfu minn din id-drawwa weħidhom. Importanti li ma tagħtix kastigi.

Fi żmien meta kulħadd qed jieħu tant interess fil-kokò, it-tifel jista’ jittieħed mill-entużjażmu u jċappas il-kokò ma’ kullimkien! Għalih logħba; għalik tindif bid-Dettol … tbissima u paċenzja!

Jekk it-tifel ibati mix-xedda, selħa fil-patata, kokò iebes jew uġigħ, kellem it-tabib. Jekk it-tifel iweġġa biex jagħmel kokò, naturalment ma jkunx irid imur fuq il-potty.

It-tifel jista’ jitlef il-kontroll fi żmien ta’ tensjoni (ngħidu aħna meta jasal baby ġdid), jew minħabba infezzjoni fil-pipì. Kellem lit-tabib jekk ikollu d-deni.

Xi tfal, speċjalment is-subien, jibqgħu jagħmlu pipì taħthom bil-lejl għal ħafna snin. Din il-problema hi aktar komuni jekk wieħed mill-ġenituri kellu l-istess problema fi ċkunitu. Kellem it-tabib jekk it-tifel jibqa’ jagħmel pipì taħtu wara 7 snin.