It-tipjip u t-tfal
Għalkemm ma jpejpux, it-tfal isofru minn ħafna mard u problemi ta' saħħa minħabba t-tipjip ta’ ħaddieħor.
It-trabi u t-tfal żgħar huma aktar suġġetti għall-ħsara u mard għaliex:
- Huma jieħdu n-nifs aktar mgħaġġel mill-kbar, u għalhekk jidħol fihom aktar duħħan u kimiċi;
- Is-sistema immunitarja tagħhom tkun għadha mhix matura;
- Peress li huma żgħar, ma jistgħux iwaqqfu lil min qed ipejjep jew jitilqu minn post fgat bid-duħħan.
Il-Ħsara
L-omm li tpejjep waqt it-tqala tagħmel ħsara lit-tarbija. Dawn it-tfal jitwieldu żgħar u bi problemi fil-pulmun, u għandhom riskju ogħla ta’ cot death.
It-tfal huma f'periklu ta' ħsara għal saħħithom meta xi ħadd ipejjep ħdejhom u mir-riħa li tibqa’ fil-kamra anke meta ma jkun hemm ħadd ipejjep dak il-ħin (thirdhand smoking).
- Riskju ogħla li taqbadhom l-ażma; u dawk li jbatu minn din il-kundizzjoni, li jkollhom attakki aktar ta’ spiss u aktar qawwija.
- Infezzjonijiet fil-pulmun – bronkite u pulmonite, li sikwit ikollhom bżonn jidħlu l-isptar.
- Aktar sogħla, tisfir (wheezing) u qtugħ ta’ nifs meta tqabbilhom ma' tfal li m’humiex esposti għas-siggaretti.
- Infezzjonijiet fil-widnejn, u l-komplikazzjonijiet bħal nuqqas ta’ smiegħ, u l-ħtieġa ta’ operazzjonijiet tal-grommets u tonsilli.
- Aktar ċans li jaqbdu l-vizzju tat-tipjip meta jikbru.
Protezzjoni
Il-kimiċi tas-sigarretti tidħol fit-tfal meta xi ħadd ipejjep ħdejhom (secondhand smoking) jew mir-riħa li tibqa’ fil-kamra (thirdhand smoking).
- Tħalli lil ħadd ipejjep ħdejn uliedek.
- Tħallix li jsir tipjip ġewwa fl-ebda parti tad-dar jew fil-karozza. Ir-riħa tas-siggaretti tibqa’ għal siegħat sħaħ fl-arja, mal-ħwejjeġ, il-purtieri u l-għamara. Dawk li jpejjpu ma jxommux ir-riħa, imma hemm tkun! Anke wara li tpejjep sigarrett wieħed, in-nifs tiegħek jibqa’ jkun fih kimiċi valenużi sa tlett siegħat wara.
- Tieħux it-tfal f’postijiet fejn isir it-tipjip, anke fil-ħin meta ma jkun hemm ħadd ipejjep.
- Jekk tpejjep, oħroġ barra mid-dar. Mhux biżżejjed li toqgħod f’ċertu kamra biss jew ħdejn it-tieqa. Jew aħjar, għaliex ma tiddeċidix darba għal dejjem li tieqaf? Dak li qatt m’għamilt għalik innifsek, din id-darba agħmlu għal uliedek! Żgur li ma tridx tmarradhom, u żgur li ma tridx li meta jikbru jinqabdu minn vizzju li jagħmlilhom tant ħsara.
Dan l-aħħar kont qed nitkellem ma’ żewġ ġenituri. Il-missier qalli li kien pprova kemm-il darba jaqta’ s-sigaretti u qatt ma rnexxielu, imma minn meta twieled ibnu, ma reġax mess sigarett ma’ xofftejh. Jekk inti missier jew omm li tpejjep, titħajjar tagħmel bħalu għal uliedek?
Ċempel il-Promozzjoni tas-Saħħa freephone 8007 3333 għall-parir, għajnuna u appoġġ.