Il-ħalib għat-tfal
- Il-ħalib hu bżonnjuż għat-tfal għax jipprovdilhom l-proteini, enerġija, vitamini u l-kalċju (meħtieġ għall-iżvilupp tal-għadam u s-snien b’saħħithom).
- Għall-ewwel xhur tal-ħajja, it-tarbija m’għandhiex bżonn ilma jew xorb ieħor għajr il-ħalib tal-omm jew il-ħalib tal-formula. Iżżidx ċereali jew gallettina mal-ħalib tat-tarbija peress li dan iwassal għall-ħxuna.
- Trabi li jixorbu biss ħalib tal-omm għandhom jingħataw il-vitamina D.
- Sa sena t-tarbija għandha tibqa’ tingħata tixrob ħalib tal-omm jew formula bħala s-sors ewlieni tal-ħalib. Tista’ żżid ħalib pasturizzat mal-ikel tat-tarbija (p.e. mal-patata maxx u maċ-ċereali tal-breakfast). Inkludi prodotti tal-ħalib (ġobon, rikotta u jogurt frisk full-fat) fid-dieta tat-tarbija.
- Aqleb għall-ħalib pasturizzat full-fat (3.5% xaħam, tal-kartuna blù) meta t-tarbija tagħlaq sena. Minn sentejn 'il quddiem uża ħalib semi-skimmed (2.5% xaħam, tal-kartuna ċelesti). Jekk ikun hemm problema ta' obeżità t-tabib jista' jagħtik il-parir tuża ħalib b'anqas xaħam.
- Meta t-tarbija tagħlaq sena aħseb biex tibdel il-flixkun tal-ħalib ma’ tazza tal-plastik jew beaker. It-toddlers li jibqgħu jixorbu minn flixkun għandhom aktar tendenza li jeħxienu.
- Aħsel is-snien tat-toddler wara li jkun xorob l-ħalib ta' filgħaxija. Tħallihx jorqod bil-flixkun f’ħalqu għaliex dan iwassal għat-taħsir tas-snien. Evita li tagħtih il-ħalib biex terġa' traqqdu jekk iqum matul il-lejl.
- It-tfal żgħar għandhom bżonn madwar 500ml ħalib kuljum. Jekk tagħtihom ħafna ħalib it-tfal jaqtgħu l-aptit u jieklu anqas. Litru ħalib jipprovdi żewġ terzi tal-kaloriji li tifel żgħir għandu bżonn f’ġurnata sħiħa; mhux ta’ b’xejn ma jkollux aptit jiekol. Ħalib żejjed jista’ wkoll iġib ix-xedda (constipation).
- Tfal bejn sena u tlett snin jeħtieġu madwar 400mg kalċju li nsibuhom f’400ml ta’ ħalib. Dawk it-tfal żgħar li ma jħobbux il-ħalib, jistgħu jieħdu l-kalċju minn prodotti tal-ħalib bħall-jogurt u ġobon. Il-brokkoli, l-ispinaċi, il-baked beans u ċ-ċereali tal-breakfast ukoll huma sors tajjeb ta’ kalċju.
- Il-ħalib tal-formula (intenzjonati għat-tfal wara li jagħlqu sena, u ġeneralment immarkati bin-numru 3) fih l-istess ammont ta’ kaloriji tal-ħalib full-fat, fih anqas xaħam u proteini, u aktar zokkor u ħadid. Dan it-tip ta' ħalib mhux neċessarju, imma jekk tixtieq tista’ tagħti madwar 200ml minnu darba kuljum, speċjalment lit-tfal żgħar li jkunu pittma għall-ikel. Mill-bqija t-tfal għandhom jixorbu ħalib pasturizzat frisk.
- Tagħtix ħalib tal-kulur, peress li dan hu fih id-doppju zokkor u 35% aktar kaloriji. Lanqas m’għandek iżżid xi sensation jew Nesquik għall-istess raġuni.
- Il-ħalib UHT (ultra-high temperature) fih ftit anqas vitamini C u B1 mill-ħalib pasturizzat u għandu togħma partikolari. Altrimenti jixbaħ il-ħalib frisk pasturizzat.
Fil-qosor
- Agħti ħalib tal-omm jew formula mit-twelid sa sena. Tista' żżid ħalib pasturizzat mal-ikel tat-tarbija, kif ukoll prodotti tal-ħalib (bħal jogurt u ġobon).
- Ħalib full-fat minn sena sa sentejn; ħalib semi-skimmed minn sentejn ’l fuq. It-tabib jista’ jagħtik parir tuża ħalib b’anqas xaħam jekk ikun hemm problema ta’ ħxuna.
- Tużax ħalib tal-kulur u żżidx xejn mal-ħalib.
- M’hemmx bżonn ħalib tal-formula għat-toddlers li għandhom dieta bilanċjata.