L-Ażma fit-Tfal u l-Isports

Jistgħu t-tfal li jbatu bl-ażma jieħdu sehem fl-isports? Sfortunatament xi ġenituri ma jħalluhomx għax jibżgħu li jaqbadhom xi attakk. Din l-attitudni hi żbaljata. Hemm atleti u sportivi professjonali f’kull dixxiplina, bħal futboller David Beckham, li jipprattikaw l-isports minkejja li huma ażmatiċi.

It-tfal ażmatiċi għandhom jgħixu ħajja normali, attiva u għandhom jieħdu sehem fl-isports bħal tfal oħra. Għaldaqstant dawn it-tfal għandhom jieħdu biżżejjed mediċini biex ikunu jistgħu jeżerċitaw ruħhom mingħajr wisq sintomi, u jkunu jafu x’għandhom jagħmlu jekk jaqbadhom attakk.

L-attività fiżika u l-isports jgħinu lit-tfal ikunu fiżikament b’saħħithom, jikkontrollaw il-piż, jorqdu aħjar u jiltaqgħu mal-ħbieb. L-eżerċizzju jgħinhom ukoll isaħħu l-muskoli tan-nifs. Il-ġenituri għandhom iħeġġu lit-tfal biex jieħdu sehem fl-isports favorit tagħhom, bħal futbol, basketball, għawm, żfin, atletika u ġiri bir-rota. L-iscuba diving huwa perikoluż għall-ażmatiċi u m’għandhomx jipprattikawh.

L-Inhalers

Il-kura tal-ażma tinvolvi żewġ tipi ta’ inhalers:

1. Il-PREVENTER (budesonide, beclomethasone jew fluticasone) jikkalma l-infjammazzjoni fil-pulmun u b’hekk ibiegħed l-attakki tal-ażma u jnaqqas il-qawwa tagħhom. Il-Preventer għandu jittieħed kuljum, anke meta ma jkun hemm ebda sintomi. F’attakk tal-ażma tużax il-Preventer biex tistrieħ mis-sintomi.

2. Ir-RELIEVER (l-inhaler ta’ kulur blù - salbutamol, ventolin) jittieħed waqt attakk biex jikkontrolla s-sintomi tas-sogħla, tisfir u qtugħ ta’ nifs. Jaħdem billi jiftaħ il-bronki.

Dawn il-mediċini jittieħdu f’forma ta’ ‘puffs’ biex jidħlu direttament fil-pulmun u b’hekk ikunu aktar effettivi, u jkunu jistgħu jingħataw f’doża żgħira u b’side effects mill-anqas. Il-Preventer huwa steroid, imma fid-doża li nużaw is-soltu, m’għandux side effects serji. Ir-Reliever iġiegħel il-qalb tħabbat aktar mgħaġġel u jqabbad ir-rogħda, imma dawn is-sintomi ma jibqgħux fit-tul.

Kif Tieħu L-Mediċina tal-Ażma

L-inhalers għandhom jittieħdu dejjem permezz ta' spacer. Jekk l-inhalers jintużaw direttament fil-ħalq ma jkunux effettivi.

1. Ħawwad l-inhaler sew.
2. Daħħal l-inhaler fl-ispacer.
3. Żomm tajjeb il-mouthpiece bejn ix-xofftejn
4. Agħfas l-inhaler biex titfa’ puff waħda fl-ispacer.
5. Ħu ħames nifsijiet bil-mod u fil-fond.
6. Erġa’ agħfas l-inhaler u ħu ħames nifsijiet oħra.
7. Aqla’ l-inhaler mill-ispacer, u agħqu bit-tapp.
8. Laħlaħ il-ħalq bi ftit ilma.

Pjan ta' Azzjoni

Il-ġenituri għandhom ikellmu lit-tabib qabel it-tifel jew tifla tagħhom jibdew sports ġdid. Il-coach għandu jkun informat li t-tifel ibati bl-ażma, u għandu jingħata kopja tal-pjan ta’ azzjoni bil-miktub biex ikun jaf x’għandu jagħmel f’każ ta’ attakk.

Meta jeżerċitaw ruħhom xi tfal jibdew jisgħolu, jaqtgħu nifishom jew issaffru. F’dan il-każ, it-tabib jista’ jagħti parir li jittieħed r-Reliever qabel il-logħba jew l-eżerċizzju. Jekk dawn l-attakki jkunu ta’ spiss, it-tabib jista’ wkoll iżid id-doża tal-Preventer.

Jekk it-tifel ikun għaddej minn żmien meta l-ażma ma tkunx kontrollata sew, ikun prudenti li f’dan il-perjodu ma jieħux sehem fl-isports.

F’każ ta’ attakk tal-ażma, it-tifel għandu jingħata żewġ puffs tar-Reliever permezz ta’ spacer jew permezz ta’ Turbohaler. Jekk it-tifel jibqa’ ma jistrieħx, għandu jittieħed l-emerġenza għal eżami mediku u nebulizer. Sakemm jasal l-isptar jista’ jerġa’ jieħu aktar puffs tar-Reliever jekk iħoss il-bżonn.