Il-meninġite fit-tfal
Il-meninġite hi infezzjoni tar-rita madwar il-moħħ. Mhix marda komuni imma tista' tkun serja ħafna. F'Malta kull sena naraw ftit każijiet ta' meninġite fit-tfal. Din l-infezzjoni tista’ twassal għal konsegwenzi fit-tul (bħal telf ta’ smiegħ, aċċessjonijiet u problemi fl-iżvilupp ) u tista’ wkoll tipperikola l-ħajja.
Hemm tlett mikrobi (bacteria) ewlenin li jikkaġunaw l-meninġite fit-tfal: (1) Haemophilus influenzae type b (Hib); (2) pneumococcus u (3) meningococcus. Illum għandna tilqim għalihom kollha. Il-meninġite kkawżata mill-viruses mhix marda serja u m'hemmx tilqim għaliha.
IT-TILQIM
It-tilqim kontra l-forom kollha ta' bacterial meningitis jingħataw b'xejn f'iskeda nazzjonali tat-tilqim. It-tilqim jista' jingħata fiċ-Ċentru tas-Saħħa jew għand it-tabib privat (il-ġenituri jħallsu biss lit-tabib u ma jħallsux għat-tilqim). L-ismijiet tat-tilqim tal-meninġite huma dawn:
1. Pneumococcus – Synflorix jew Prevenar-20.
2. Meningococcus ACWY – Nimenrix.
3. Meningococcus B – Bexsero.
4. Hib – parti mit-tilqima 6-in1, Hexyon.
IS-SINTOMI
Il-ġenituri għandhom jinformaw ruħhom dwar is-sintomi tal-meninġite u septicaemia fit-tfal.
Is-sintomi tal-meninġite
- deni
- uġigħ ta’ ras
- ebusija fl-għonq
- irritazzjoni mid-dawl
- rimettar
- konfużjoni
- għejja u ħedla
Trabi u tfal żgħar ma jurux is-sintomi tipiċi tal-meninġite. Minbarra d-deni, it-tarbija turi imġieba mhux tas-soltu (qerda, biki, ħedla, rimettar u ma tixrobx sewwa, eċċ).
Minbarra l-meninġite, il-meningococcus jikkawża wkoll infezzjoni fid-demm (septicaemia). Din ukoll hija marda li tista' twassal għal konseġwenzi serji u anki għall-mewt.
Is-sintomi tas-septicaemia
- deni għoli u tkexkix ta’ bard
- rimettar jew dijarea
- ħedla kbira
- uġigħ fil-muskoli
- nifs mgħaġġel
- it-truf tal-idejn u tas-saqajn kesħin
- ġilda pallida jew blù
- raxx skur fil-ġilda li ma jiċċarax meta jingħafas
Mhux dejjem ikun hemm raxx fil-ġilda jew is-sintomi l-oħra kollha. Jekk xi ħadd ikun marid bid-deni u taraħ marid gravi jew sejjer għall-agħar, fittex l-għajnuna mill-ewwel.
FITTEX GĦAJNUNA MEDIKA URĠENTI
It-tilqim inaqqas ħafna r-riskju ta’ meninġite imma ma jeliminahx għalkollox. Anke jekk it-tfal ikunu ħadu t-tilqim kollu, il-ġenituri għandhom ifittxu għajnuna medika urġenti jekk jissuspettaw li jista' jkollhom il-meninġite jew septicaemia. Dan hu mard serju u t-tfal jistgħu jaqilbu għall-agħar fi ftit sigħat. Il-kura bl-antibiotiċi hi l-aktar effettiva meta tinbeda kmieni kemm jista' jkun.
Mur l-emerġenza f'dawn iċ-ċirkostanzi:
- Deni (> 37.5°C fl-armpit) fi trabi sa tlett xhur, anki jekk ma jkunux jidhru morda.
- Deni fi trabi u tfal żgħar jekk ikunu jidhru morda, ma jifilħux, mdejjqin jew jeqirdu.
- Tfal ta’ kull età bid-deni u xi sintomi ta’ meninġite jew sepiticaemia.
- Raxx skur fil-ġilda li ma jiċċarax meta tagħfsu b'tazza tal-ħġieġ. Ara l-istampa hawn taħt.
- Jekk il-kundizzjoni tat-tarbija tmur għall-agħar avolja qabel kien diġà raha tabib.
Jekk ir-raxx ma jiċċarax meta tagħfsu b'tazza tal-ħġieġ, mur l-emerġenza. |
Ittawwal lit-tarbija matul il-lejl jekk hi marida jew bid-deni, għax tista' taqleb għall-agħar fi ftit siegħat. Ħudilha t-temperatura, ara kif qed tieħu n-nifs, jekk hix qed teqred u jekk hemmx xi raxx.
Jekk tħossok inkwetata fittex l-għajnuna medika immedjatament.