Il-bram u ħut iniggeż
Fil-baħar madwar il-gżejjer Maltin insibu diversi tipi ta' bram. L-iswaba (tentacles) tal-brama huma miksija b’ċelloli jniggżu (nematocytes jew sting-cells). Meta jmissu mal-ġilda, dawn iċ-ċelloli jitfgħu valenu li jikkawża tinġiż, uġigħ, ħmura u nefħa.
Naturalment wieħed m’għandux jinżel jgħum jekk ikun hemm il-bram. Madankollu, avolja ma jkunx jidher li hemm il-bram xorta waħda jista' jmissek ix-xorti li tingidem!
L-ewwel għajnuna
- Laħlaħ il-ġerħa bl-ilma baħar (mhux bl-ilma tal-vit); tħokkx il-ġilda biex ma żżidx l-infjammazzjoni.
- Jekk ikunu jidhru xi biċċiet, neħħihom b’pinzetta.
- Jekk l-uġigħ ikun qawwi, tista' tapplika ilma sħun (sa 45°C) għal 20 minuta jew sakemm l-uġigħ jonqos. Attent minn xi samta!
- Agħti paracetamol jew ibuprofen jekk l-uġigħ jippersisti.
- Applika hydrocortisone cream.
Għajnuna medika
Fittex għajnuna medika f'dawn iċ-ċirkostanzi;
- Ċempel għall-ambulanza (112) jekk ikun hemm allerġija qawwija (anaphylaxis) (stordament, raxx mifrux fil-ġilda jew nifs mgħaġġel).
- Kellem tabib jekk il-ġidma tkun kbira jew f'parti sensittiva (bħal wiċċ), u jekk in-nefħa, l-uġigħ u il-ħmura jiżdiedu. Jista’ jkollok bżonn steroid jew antibijotiku.
Ħut iniggeż
Hawn erba' ħutiet fl-ibħra Maltin li jniggżu: adder pike (traċna), weever (sawt), stingray (bonn) u scorpion fish (skorfna).
It-traċna tkun f'qiegħ il-baħar fir-ramel. Wieħed jista' jirfes fuqha u jitniggeż. L-ugigħ huwa qawwi ħafna.
Għall-ewwel għajnuina, qiegħed is-sieq fl-ilma sħun għal madwar 20 minuta (l-ilma jrid sħun ħafna imma li tissaportih; attent minn xi samta).
Wara l-ewwel għajnuna mur l-isptar jew Health Centre. Jista' jkun hemm bżonn injezzjoni ta' local anaesthetic.