Il-Kostipazzjoni fit-Tarbija


It-tarbija li tixrob il-ħalib tal-omm ġeneralment tagħmel kokò artab u ta’ spiss, għall-bidu anke wara kull darba li tixrob. Fil-ġimgħat ta' wara ma tibqax tagħmel daqshekk ta' spiss. Tarbija li tixrob il-ħalib tal-formula issoltu tagħmel kokò xi darba kuljum.

Huwa normali li t-tarbija titqanzaħ, kultant għal ħinijiet twal, anke meta ma tkunx qed tipporga. Din hi fażi li jgħaddu minnha sakemm ikollhom xaharejn jew tlieta. L-importanti li l-kokò ma jkunx iebes.

It-tarbija tkun tbati minn kostipazzjoni jekk: (1) l-ipporgar ikun iebes, u (2) it-tarbija tweġġa’ biex tagħmel koko. Ma tantx huwa importanti kemm iddum ġranet biex tipporga sakemm il-kokò jkun artab u t-tarbija ma tkunx imdejjqa.

X’tista’ tagħmel?
  • Ħu t-tarbija tintiżen, speċjalment fl-ewwel ġimgħat wara t-twelid, u jekk it-tarbija tkun imreddgħa. Il-kostipazzjoni tista' tkun sinjal li t-tarbija mhix tixrob kemm għandha bżonn.
  • Ipprova banju sħun u massage fiż-żaqq tat-tarbija.
  • Jekk ikun hemm bżonn uża melilax biex tistimola l-musrana. Kuntrarju għal dak li sikwit jingħad, l-użu tal-melilax ma jgħażżinx il-musrana.
  • Jekk it-tarbija qed tixrob ħalib tat-trab, it-tabib jew midwife jistgħu jissuġġerulek biex taqleb għal-ħalib apposta.
  • Agħtiha probiotic ta' kuljum.
Id-dieta tal-omm ftit li xejn għandha effett fuq il-kostipazzjoni fit-tarbija; għalhekk l-omm tista' u għandha tiekol dieta bilanċjata.

Il-problema tal-kostipazzjoni ġeneralment tmur għall-aħjar meta t-tarbija tibda tiekol l-ħaxix u l-frott. Il-larinġ, pruna, kiwi u qarabagħli fid-dieta tat-tarbija jgħinu.

Jekk il-problema tippersisti jew tkun gravi, jew jekk tara xi demm mal-koko, kellem lit-tabib tat-tfal. It-tabib jista' jiktiblek mistura biex trattab il-kokò.

Ara wkoll: Il-kostipazzjoni fit-tfal