Inħarsu t-tfal fis-sajf
Iż-żmien sabiħ tas-sajf iġib miegħu problemi u perikli għat-tfal, speċjalment ix-xemx u l-baħar. Dawn huma ftit ħsibijiet kif nipproteġu 'l uliedna.
L-Għawn
Sfortunatament f’Malta seħħew diversi inċidenti fejn għerqu it-tfal fil-baħar u fil-pools. Għandna noqgħodu attenti biex nevitaw traċedji bħal dawn.
Meta jkunu ħdejn il-baħar jew pool jew qed jgħumu, it-tfal għandhom ikunu taħt superviżjoni kontinwa tal-ġenituri jew ta’ xi ħadd adult responsabbli. Iridu jkunu taħt għajnejk u fil-qrib biżżejjed biex f’każ ta’ diffikultà tkun tista’ tgħinhom fil-pront. Libbishom trainers sakemm għadhom ma jafux jgħumu sew.
Tgħallem kif tagħti l-ewwel għajnuna (CPR). F’Malta jsiru korsijiet qosra ta’ First Aid. Jekk tingħata fil-ħin, l-ewwel għajnuna tista’ tagħmel differenza bejn ħajja u mewt.
Għallem it-tfal jgħumu minn kmieni.
Għallem tfal akbar biex ma jaqbżux għal rashom jekk ma jafux kemm hu fond il-baħar (kien hemm tfal li kissru x-xewka ta’ daharhom, baqgħu paralizzati jew mietu għax ħabtu rashom mal-blat). Il-qbiż mill-għoli (aktar mit-tul tal-persuna) jaf ikun perikoluż ukoll, avolja jekk taqbeż għas-saqajn, peress li l-impatt jista jagħmel ħsara lix-xewka tad-dahar.
Tħallix it-tfal żgħar għal ħafna ħin fl-ilma biex ma jiksħux. Tħallix it-tfal f’indoor pools għal ħin twil minħabba ir-riħa tal-chlorine li tista’ tkun irritanti għall-pulmun. Laħlaħ lit-tfal bl-ilma tal-vit, u xxotta sewwa bejn is-swaba tas-sieq (biex tevita athelete’s foot).
Aktar:
Il-gidma tal-brama ara hawn: link
It-tarbija u l-għawm: link
Ix-Xemx
Ir-raġġi tax-xemx jistgħu jaħarqu l-ġilda (sunburn); it-tfal żgħar huma aktar fil-periklu. Ix-xemx tagħmel ukoll ħsara fit-tul (ixxejjaħ l-ġilda u żżid r-riskju ta’ cancer fil-ġilda, melanoma). Applika sunblock (SPF 50) fuq il-ġilda mikxufa; kappell u ilbies ħafif; fittex id-dell u evita l-baħar bejn il-ħdax u l-erbgħa.
Is-sħana tax-xemx tista’ twassal ghal heat stroke. Din hi kundizzjoni perikoluża li tiġri meta wieħed jeżerċita ruħu żżejjed (fix-xogħol jew logħob) fis-sħana tax-xemx u għax ma jixrobx biżżejjed. It-temperatura tal-ġisem togħla u dak li jkun iħossu għajjien ħafna, mitluq, mdardar, uġigħ ta’ żaqq, uġigħ ta' ras, u bugħawwieġ. Għall-ewwel għajnuna: midd il-persuna fid-dell u għolli r-riġlejn ‘l fuq; kessaħ bl-ilma u fan; jekk ikun f’sensih, agħtih jixrob ilma frisk jew sport drink. Ċempel għall-ambulanza jekk jibqa’ ħażin.
In-Nemus
Għall-prevenzjoni, uża insect repellent cream/spray fuq il-ġilda (evita l-pala tal-id u l-wiċċ); fil-kamra tas-sodda waħħal insect repellant (likwidu, jaħdem bl-elettriku – mhux dawk li suppost jaħdmu bil-ħoss, li m’humiex effettivi). Waħħal insect screens fid-dar u tħallix ilma qiegħed. F’każ ta’ gidma, aħsel bl-ilma u s-sapun.
Aktar:
Il-gidma tan-nemusa: link.