Kif tipproteġi t-tarbija minn cot death


Il-cot death tfisser il-mewt għall-għarrieda ta’ tarbija fl-irqad. Tista’ tiġri fl-ewwel xhur tal-ħajja.

Fortunatament il-cot death hi rari ħafna. Illum nafu x’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu t-tarbija waqt l-irqad.

Kif Tipproteġi t-Tarbija
  1. Dejjem raqqad it-tarbija fuq daharha; traqqadhiex fuq il-ġenb jew fuq iż-żaqq. Jekk tħalli t-tarbija man-nanniet jew carer, għidilhom ċar biex iraqqduha fuq daharha. Meta t-tarbija tkun mqajjma, ara li tagħmel ħin tilgħab fuq żaqqha (dan jgħin fl-iżvilupp tal-muskoli tal-għonq u l-ispallejn, u biex r-ras ma tiġix ċatta). (Ara: Tummy time).
  2. It-tarbija għandha torqod fl-istess kamra mal-ġenituri.
  3. Tista’ tredda' jew tisqi t-tarbija fis-sodda tal-ġenituri, imma wara li tkun xorbot l-aħjar tqegħdha lura fil-cot tagħha.
  4. Torqodx fuq is-sufan jew putruna bit-tarbija f’dirgħajk.
  5. Uża saqqu sod mgħotti b’liżar; tpoġġix ħwejjeġ rotob taħt it-tarbija.
  6. Ħalli r-ras mikxufa, tużax imħadda, u tħallix soft-toys, biċċiet jew ħwejjeġ oħra fil-cot.
  7. Ara li t-tarbija ma’ tisħonx iżżejjed jew tixxarab bil-għaraq; huwa normali li l-pala tal-idejn ikunu ftit kesħin. Tużax duvets, quilts jew kutri fuq xulxin; tużax heater qrib il-cot jew hot water bottle. Tista’ tuża air-conditioner jew fan. Ara li jkun hemm ventilazzjoni tajba fil-kamra.
  8. Tpejjipx, u tħalli lil ħadd ippejjep fid-dar. Minbarra li jżid ir-riskju ta’ cot death, it-tipjip iġib aktar infezzjonijiet fil-griżmejn u l-widnejn, bronkite u ażma.
Fi ftit kliem, it-tarbija għandha titqiegħed torqod dejjem fuq daharha, fil-kamra tal-ġenituri, fil-cot tagħha, fuq saqqu sod, mgħottija ħafif u f’ambjent bla sigaretti.

Aqra r-rakkomandazzjonijiet tal-American Academy of Pediatrics: Link