L-Allerġija għall-Ikel fit-Tfal

L-aktar ikel komuni li jaghti allergija.
L-allerġija għall-ikel hi reażżjoni qawwija u immedjata għal ċertu ikel. Madwar 6% tat-tfal u 2% tal-adulti ibgħatu minn din il-kundizzjoni. L-allerġija għall-ikel hi aktar komuni jekk l-individwu jew xi ħadd fil-familja tiegħu jkollhom xi tip ta’ allerġija.

Kull tip ta’ ikel jista’ jikkawża allerġija, imma fit-tfal, l-aktar komuni huma l-ħalib, il-bajd, il-qamħ u s-soya. Fl-adulti, l-aktar ikel komuni huma l-karawett, lewż, ħut u frott tal-baħar.

Is-sintomi jistgħu ikun tnemnim, nefħa u ħakk fix-xoftejn u l-ilsien, għajnejn idemmgħu, raxx fil-ġilda, urtikarja u dardir. It-trabi jista’ jkollhom demm mal-koko. L-anaphylaxis hi allerġija qawwija ħafna u tinvolvi nefħa fil-passaġġ ta’ l-arja, qtugħ ta’ nifs, raxx, għejja, stordament u pressjoni baxxa. Il-pazjent jista’ jintilef minn sensih. Din il-forma ta’ allerġija hi perikoluza għax tista’ tkun fatali.

Allerġija jew Intolleranza

Hu importanti li nagħmlu distinzzjoni bejn ‘allerġija’ u ‘intoleranza’ għall-ikel. L-allerġija tinvolvi s-sistema immunitarja filwaqt li l-intoleranza tiġi b’mezzi oħra.
Nefha fl-ghajnejn minhabba allergija ghall-ikel.
  1. Irritazzjoni. Il-larinġ u t-tadam fihom aċidu naturali li jista’ jtella’ raxx madwar il-ħalq fit-trabi. Il-meraq tal-frott jista’ jikkawża dijareja, speċjalment jekk ikollu z-zokkor miżjud.
  2. L-Avvelinament ta’ l-ikel, speċjalment tal-ħut, jġib sintomi ta’ remettar u dijareja. L-iġene fit-tisjir u mod tajjeb kif jinħażen l-ikel jnaqqsu r-riskju ta’ food poisoning.
  3. Intolleranza għall-lactose. Il-lactose huwa z-zokkor naturali fil-ħalib. Xi whud għandhom nuqqas ta’ l-enzyme ‘lactase’ li tiddiġerixxi dan it-tip ta’ zokkor. Is-sintomi jistgħu ikunu uġigħ u nefħa fiż-żaqq, u dijareja. Jista’ jkun hemm intolleranza għall-lactose għal ftit żmien wara gastroenterite.
  4. Food additives. Xi persuni huma sensittivi għal sustanzi miżjuda ma’ l-ikel (bħal MSG fl-ikel Ċiniż, u sulfites fl-inbid) u sustanżi helwin li jintużaw minflok iz-zokkor fix-xarbiet minerali.
  5. Coeliac Disease hi kundizzjoni kronika fil-musrana u twassal għall-intoleranza għall-qamħ u xi ċereali oħra.
Kif tista’ tinduna b’allerġija għall-ikel?

Urticaria, tista' tkun allergija ghall-ikel.
Mhux faċli tagħmel dijanjosi ta’ allerġija għall-ikel. Il-parti l-kbira li jaħsbu li għandhom allerġija, fil-fatt m’għandhomx. Jekk tissuspetta allerġija, kellem lit-tabib. It-tabib ikun irid jaf x’inhuma s-sintomi, x’inhu l-ikel li taħseb li qed iġib allerġija, jekk l-istess ikel jagħmilx dejjem l-istess reazzjoni, u kemm idumu ma’ jitfaċċaw is-sintomi wara li t-tifel ikun kiel. It-tabib jistaqsik ukoll jekk it-tifel għandhux allerġiji oħra (bħal ekżema, hayfever u ażma) u jekk xi ħadd ieħor fil-familja għandux xi kundizzjoni allerġika. It-tabib jista’ jgħidlek biex iżżomm djarju li fih tniżżel l-ikel u x’ikunu s-sintomi. Jista’ wkoll jagħtik parir biex tevita ċertu ikel mid-dieta biex jara jekk is-sintomi jmorrux għall-aħjar.

Hemm żewġ forom ta’ testijiet x’isiru: it-test tal-ġilda u t-test tad-demm. It-test tad-demm (RAST) jiċċekkja għall-antibodies kontra tipi differenti ta’ ikel. Dawn it-testijiet huma ta’ għajnuna, imma ma tistax toqgħod fuqhom biss. Testijiet oħra li huma reklamati m’għandhom ebda valur u m’għandhomx isiru.

Kif titratta allerġija għall-ikel?

Injezzjoni ta' adrenalina fil-koxxa
mal-ewwel sintomi ta' anaphylaxis.
Wieħed għandu jħalli barra mid-dieta dak l-ikel li qed jikkawża l-allerġija. Aqra l-lista’ ta’ inġredjenti u twissijiet fuq it-tiketta dwar kontaminazzjoni (eż. ‘May contain traces of nuts’). Hemm ħalib speċjali għat-trabi li huma allerġiċi għall-ħalib tal-baqra jew soya. Huwa importanti li id-dieta tibqa’ bilanċjata u tinkludi n-nutrijenti kollha.

M’hemmx mediċina li tfejjaq l-allerġija, imma hemm mediċina (anti-histamines) biex ittaffi s-sintomi. F’każ ta’ anaphylaxis, l-adrenalina għandha tingħata immedjatament b’injezzjoni fil-muskolu u tissejjaħ l-ambulanza (telefon 112). Dawn it-tfal għandhom iġorru magħhom siringa speċjali tal-adrenalina, u jkollhom ġiżirana jew brazzuletta li tgħid li huma allerġici. L-għalliema tagħhom u dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom ikunu informati bil-kundizzjoni.

Ħafna drabi t-tfal żgħar joħorġu mill-allerġija maż-żmien.