L-Iskarlatina


L-iskarlatina (scarlet fever) hi infezzjoni kkaġunata mill-mikrobu msejjaħ streptococcus (Strep A). Tolqot l-aktar lit-tfal fl-età tal-iskola. Tissejjaħ hekk minħabba r-raxx ħamrani li joħroġ fuq il-ġilda.

L-infezzjoni titfejjaq b’kors antibiotiċi, u b'hekk ikunu evitati komplikazzjonijiet fil-kliewi u rewmatiżmu. Kull sena jkun hawn xi każijiet ta’ skarlatina f’Malta, imma jiġu snin li jkun hawn aktar mis-soltu.

Is-Sintomi

Dawn huma s-sintomi tal-iskarlatina:
  • Deni u tkexkix ta’ bard
  • Il-griżmejn u ilsien iffjammati
  • Il-glandoli tal-għonq minfuħin
  • Raxx aħrax fil-ġilda (jinħass qisu 'sandpaper'), ħmura fuq il-wardiet tal-wiċċ u bjuda madwar il-ħalq.
  • L-ilsien mgħotti b'lega bajda u aktar tard jidher minfuh (strawberry tongue).
  • Linji ħomor fl-apt u postijiet oħra.
Id-deni u l-ġriżmejn ħomor huma l-ewwel sintomi. Jista’ jkun hemm ukoll uġigħ ta’ ras u rimettar. L-għada li jitla’ id-deni jitfaċċa r-raxx fuq l-għonq u s-sider, li mbagħad jinfirex lejn id-dirgħajn u l-bqija tal-ġisem. Ir-raxx idum madwar ġimgħa, u tista’ titqaxxar il-ġilda speċjalment tas-swaba.

Kif Tittieħed

Il-mikrobu jinxtered fil-bżieq bis-sola, għatis, u bl-idejn, kemm fil-familja u fl-iskejjel. Il-marda tibda jumejn jew tlieta wara. Il-pazjent ma jibqax infettiv wara ġurnata li jkun beda l-antibijotiku.

Bħala prevenzjoni, it-tfal għandhom jiġu mgħallmin jaħslu idejhom bis-sapun, speċjalment qabel l-ikel, u ma jużawx tazzi u magħref ta’ tfal oħra.

Il-Kura

Kellem it-tabib f’każ ta’ ġriżmejn u deni għoli. It-tabib jasal għall-dianjosi mill-eżami kliniku, u test sempliċi ta’ throat swab.

Huwa importanti li tagħti l-kors sħiħ tal-antibijotiku, avolja t-tifel jgħaddilu qabel. Tista’ ittaffi l-uġigħ u d-deni bil-paracetamol jew ibuprofen. Importanti li toffri ilma u xorb ieħor sabiex ma jixxottax. Waqt li jkun għadu ma jiflaħx, it-tifel għandu jistrieħ, imma mhux bil-fors fis-sodda. It-tifel jista' jirritorna l-iskola wara li jkun niżel id-deni, iħossu tajjeb, u jkunu għaddew tal-anqas 24 siegħa minn meta jkun inbeda l-antibiotiku.