Kif twaqqaf l-ikel mitħun

L-ikel mitħun huwa konvenjenti meta tibda l-ewwel ikel. Huwa importanti li meta t-tarbija jkollha madwar 8 xhur twaqqaf il-purè u taqleb għall-ikel mgħaffeġ bil-furketta u biċċiet żgħar ta’ ikel artab. Dan huwa iż-żmien tajjeb biex tibda ‘finger foods’. It-tarbija tista’ tigdem u tomgħod l-ikel artab avolja ma jkolliex snien.

It-trabi jiżviluppaw u jimmaturaw b'ritmi differenti minn xulxin. Xi wħud ikunu lesti biex jibdew l-ikel bil-biċċiet qabel 8 xhur, u oħrajn idumu iżjed, kultant aktar minn sena. Imxi bil-pass tat-tarbija tiegħek.

Ħafna ġenituri jdumu wisq biex iwaqqfu l-ikel mgħaffeġ, forsi għax jibżgħu li t-tarbija tixraq, u għax ikunu jistgħu jagħtuha tiekol kemm iridu huma. Imma dan m’għandux ikun. It-tarbija trid timmatura, titgħallem tomgħod u tirregola hi stess kemm għandha aptit tiekol. Meta t-tarbija tomgħod l-ikel, tkun qed tiżviluppa l-muskoli li jgħinu fid-diskors ukoll.

Ftit suġġeriment biex twaqqaf l-ikel mitħun
  • Ibda ħalli l-purè aktar magħqud u bil-biċċiet ('lumpy').
  • Ibda agħti lit-tarbija biċċiet żgħar tal-ikel artab direttament f’ħalqha bħal banana, pasta, ġobon artab, karrotta misjura u patata.
  • Tasal f'punt fejn it-tarbija tibda tippreferi biċċiet tal-ikel u ma tkunx trid tieħu aktar ikel mgħaffeġ.
  • Meta tara li t-tarbija qed tomgħod u tibla’ biċċiet tal-ikel, agħtiha wkoll ikel f’idejha (‘finger foods’), bhal biċċa banana, patata, u biċċa zgħira ħobz mixwija.
  • Peress li hu iebes, il-laħam huwa diffiċli għat-tarbija biex tomgħodu u tibilgħu. Introduċih meta t-tarbija tkun drat tiekol sewwa bil-biċċiet. Il-laħam irid ikun msajjar artab (bhal fil-brodu jew stuffat), u mqatta’ zgħir ħafna (daqs nofs ċentimetru) jew pulpetti rotob u b'xi gravy miegħu (biex ma jkunx xott), jew ikkapuljat fiz-zalza.
  • Waqt il-ħin tal-ikel, it-tarbija għandha tkun preżenti mal-bqija tal-familja mal-mejda biex tosserva u titħajjar mill-kbar, minbarra li tingħata xi ħaġa x’tiekol mill-ikel tal-familja, u titħalla tmiss l-ikel b’idejha.
Disclaimer

L-informazzjoni f'dan il-blogg hi maħsuba biss bħala tagħrif ġenerali dwar is-saħħa tat-tfal, u m'għandhiex titqies bħala parir mediku. Jekk it-tifel jew it-tifla tiegħek ma jifilħux, jew jekk għandek xi mistoqsija fuq saħħithom, ħu t-tifel jew it-tifla għand it-tabib biex jagħtik parir professjonali.