Hand, foot and mouth disease
Il-hand-foot-and-mouth disease (HFMD) hija infezzjoni kkawżata minn virus (coxsackie virus). Din il-marda taqbad l-aktar lit-trabi u tfal żgħar, imma kultant taqbad ukoll tfal akbar u adulti.
Il-hand-foot-and-mouth m’għandha xejn x'taqsam mal-mard tal-ilsien u d-dwiefer fl-annimali.
Sintomi
L-ewwel sintomi jibdew bejn tlett ijiem u ħamest ijiem minn meta tkun ħadt il-virus.
Is-sintomi jinkludu għejja, uġigħ fil-ġriżmejn, sogħla u deni. Jistgħu joħorġu ponot u ulċeri fil-ħalq, fil-griżmejn u fuq l-ilsien. Minħabba l-uġigħ fil-ħalq it-tifel jista' jliegħeb. Aktar tard jidhru ponot madwar il-ħalq, fuq il-wiċċ tal-idejn, il-qiegħ tas-saqgħajn, madwar il-patata, u f'postijiet oħra tal-ġisem. It-tifel jista' jkun imdejjaq bl-uġigħ u l-ħakk. Il-ponot jinxfu u jitilqu weħidhom fi żmien għaxart ijiem.
Mhux kulħadd ikollu dawn is-sintomi kollha u ġieli bilkemm tinduna li t-tifel jew it-tifla jkunu ma jifilħux. Mill-banda l-oħra t-tfal ġieli jkunu ma jifilħux, imdejqin u miġugħin sew.
Kura
It-tabib jasal għad-dijanjosi mill-eżami kliniku u mingħajr il-bżonn ta’ testijiet speċjali.
Bħala kura, agħti lit-tfal paracetamol jew ibuprofen għall-uġigħ u deni, u offrihom jixorbu ilma u ħalib biex ma jixxotawx. Kellem it-tabib jekk it-tifel ma jixrobx, ikollu ħalqu xott, jintelaq jew ma tantx jgħaddi pipì.
Il-virus jinxtered bl-għatis, is-sogħla u bl-idejn. Għalhekk aħsel idejk bl-ilma u s-sapun (speċjalment wara li tibdel in-nappy) biex ma tieħux u ma xxerridx l-infezzjoni.
Tibgħatx it-tfal lura n-nursery jew l-iskola qabel jgħaddilhom u jkunu jħossuhom tajjeb, biex ma jgħaddux il-marda lill-għalliema u tfal oħra.
Mhux issoltu jkun hemm problemi għat-tarbija waqt it-tqala (ara hawn).
Updated Jannar, 2024.