Kedda biex Tiekol!


Omm staqsietni: "Jekk tiġi ġurnata fejn it-tifla ma tkunx trid tmiss ikel ma ħalqha, għandi nisfurzaha biex tiekol jew inħalliha?"

Le tisforzahiex! Dan huwa żball komuni ħafna meta l-ġenituri jipprovaw jisforzaw lit-trabi u tfal żgħar jieklu kontra qalbhom.

Ilkoll nieħdu ġost naraw it-tfal jieklu, imma irridu nħallu lilhom jirregolaw kemm jieklu. Forsi jkunu għaddejjin minn fażi – ngħidu aħna għax ikunu fgati jew teething – meta ma jkollhomx aptit jieklu. Jista’ jkun ukoll li ma jkunux iridu aktar ikel magħsur. Jirrifjutaw il-kuċċarina għax jippreferu jieklu ikel solidu.

Jekk inġeluhom jieklu bil-fors jista’ jiġri waħda minn żewġ affarijiet: (1) jibdew jieklu aktar milli għandhom bzonn u eventawalment jeħxienu, jew (2) isiru jobgħodu l-ikel u jsiru pittma għall-ikel (‘fussy eaters’).

It-trabi u t-tfal, fl-aħħar mill-aħħar jieklu u jixorbu kemm iħossu li għandhom bżonn, u dan mhux neċċessarjament jaqbel ma kemm l-omm jew in-nanna jaħsbu li għandhom jieklu. Jonqos minna li nieħdu attitudni aktar kalma, u l-ħin tal-ikel, minflok ħin ta’ kunflitt u tensjoni, jsir ħin pjaċevoli għal kulħadd.