It-televixin


Ħafna ġenituri jafu li wliedhom qed iqattgħu wisq ħin quddiem l-iscreen tat-television, tablets, kompjuter u digital games. Imma ftit li xejn jieħdu azzjoni, forsi għax ma jafux l-konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa u l-imġieba, fosthom l-obeżità, dewmien fl-iżvilupp tal-lingwa u mġieba aggressiva.

Ħafna tfal żgħar jgħaddu madwar 4 siegħat quddiem l-iscreen. L-American Academy of Pediatrics tgħid li tfal taħt sentejn m’għandhomx jaraw televixin xejn. Tfal akbar jisgħtu jaraw bejn siegħa u sagħtejn ta’ programmi/logħob edukattivi u mhux vjolenti.

It-TV jwassal għall-obeżità sew minħabba nuqqas ta’ attività fiżika, u l-iżjed għax ħafna tfal u adulti jispiċċaw jieklu junk food waqt li qed jaraw it-TV, bħal boroż ta' snacks u crisps, gallettini u ċikkulata.

Il-ġenituri li jixtiequ jirregolaw il-ħin li t-tfal jgħaddu quddiem l-iscreen, iridu l-ewwelnett jieħdu deċiżjoni ta’ ħin massimu li jistgħu jarawh kuljum, jgħinuhom jagħżlu programmi u logħob edukattiv, jaraw anqas TV huma stess, u jgħinu lil uliedhom jorganizzaw il-ħin tagħhom aħjar u jinkludu attivitajiet oħra (qari, logħob, tpinġija, ħruġ, homework). Jaraw ukoll li fid-dar iżommu snacks tajbin bħal yogurt, frott u popcorn, u jeliminaw mid-dar ħelu, crisps u luminati.

It-TV jista' jkun okkażżjoni tajba għall-familja kollha sabiex jinġabru flimkien jaraw film tajjeb.

It-TV għandu jintefa fil-ħin tal-ikel u waqt li t-tfal ikun qed jilgħabu. It-TV għandu jitneħħa mill-kamra tas-sodda.