Il-car-seat



Il-baby car-seat isalva l-ħajja! Qatt toħrog it-tarbija fil-karozza jekk ma tkunx marbuta sewwa fih. Lanqas għandek tisqi jew treddgħa t-tarbija waqt li l-karozza tkun miexja.

Il-car-seat għandu jintuża fuq is-sidil ta’ wara. Għalkemm f'Malta huwa legali li l-car-seat jista' jintuża wkoll fuq is-sidil ta' quddiem, dan huwa anqas safe għat-tarbija. Meta il-car-seat jitqiegħed quddiem, l-airbag trid tkun mitfija.

Il-car-seat għandu jkun dejjem iħares lura (rear-facing) (ara l-istampa ). B'hekk dahar tal-car seat jipprovdi protezzjoni għar-ras, l-għonq u x-xewka tad-dahar f’każ ta’ ħabta.

Il-car-seat irid jintrabat tajjeb mas-sidil, skont l-istruzzjonijiet tal-manwal, bis-safety belt tal-karozza jew fuq bażi apposta.

Ara li t-tarbija tkun marbuta tajjeb ukoll. Iċ-ċineg (straps) jgħaddu minn fuq spallejn it-tarbija (mhux minn taħt id-dirgħajn), kif ukoll madwar żaqqha. Ara li ċ-ċineġ ikun issikkatti biżżejjed. Il-pads taċ-ċineg għandhom ikunu ħdejn l-għonq tat-tarbija. It-tarbija ma tridx tkun liebsa ħwejjeġ goffi meta tkun fil-car seat.

Tista' tibda tuża siġġu li jħares ‘il quddiem meta l-piż tat-tarbija jilħaq il-massimu rakkomandat (madwar 10 kg) jew meta rasha tkun ogħla mid-dahar tas-siġġu. F'xi pajjiżi qed jesiġu li t-tfal jitħallew f'car seat li jħares lura sa' sentejn u anke sa' 4 snin peress li huma aktar safe.