L-Insara u Persuni Gay
L-omosesswali jissejjħu ‘gay’ – kelma li tfisser ‘ferħan’. Imma l-gay mhumiex dejjem ferħana. Bħal kull wieħed u waħda minna huma għandhom l-aspirazzjonijiet u x-xewqat li jkunu ħienja, imma ta' spiss jesperjenzaw il-morr u t-tbatija, u sikwit jisfaw weħidhom u iżolati anki mill-familji tagħhom.
L-inqas li nistgħu nagħmlu aħna l-Insara huwa li nissimpatizzaw magħhom. Ikun pass 'l quddiem li nipprovaw nifhmuhom. Imma l-isbaħ u l-aħjar huwa li nħobbuhom mill-qalb u mhux bil-kliem, anki billi nħabbrulhom l-evanġelju li bih jistgħu jiksbu l-ħajja u l-ferħ bħalma ksibna aħna li doqqna kemm hu tajjeb il-Mulej.
Titwieled omosesswali?
Għall-kuntrarju ta' dak li jaħsbu ħafna nies, l-omosesswalità mhix kundizzjoni li titwieled biha. L-American Psychiatric Association tgħid li dan mhux il-każ.
Currently there is a renewed interest in searching for biological etiologies for homosexuality. However, to date there are no replicated scientific studies supporting any specific biological etiology for homosexuality. Link'Biological etiology' tfisser kawża bijoloġika (eż. ġenetika jew ormonali). Fi kliem ieħor m'hemmx studji xjentifiċi li juru li l-omosesswalità titwieled bija. Għalhekk l-argument li l-omosesswali lanqas biss għandhom jipprovaw jinbiddlu (għax hekk twieldu u allura m'hemmx x'tagħmel) huwa bla bażi.
Huma x’inhuma l-fatturi li jwasslu bniedem li jħoss ġibda sesswali lejn persuni tal-istess sess, u dawn jistgħu jkunu ħafna u varji, il-bniedem b'dawn il-ġibdiet jibqa' moralment responsabbli ta' għemilu. Hekk ukoll raġel iħoss ġibda lejn in-nisa, imma b’daqshekk ma jistax ikollu relazzjoni sesswali ma' kull mara li jara. Iż-żena tibqa’ dnub avolja l-ġibdiet tal-ġisem huma ‘naturali’ u qawwija ħafna. Kull bniedem jibqa’ responsabbli x’jagħmel bil-ġibdiet ta' ġismu.
L-attitudni lejn l-omosesswali fid-dar
Huwa fatt ta' swied il-qalb li persuni omosesswali jbatu minħabba diskriminazzjoni u preġudizzju kontra tagħhom. Jibżgħu joħorġu fil-beraħ anki mal-ġenituri tagħhom. Dan iwassal għal iżolament, dwejjaq u tbatija. Filwaqt li jiddispjaċihom u jinkwetaw għal uliedhom, il-ġenituri għandhom jilqgħuhom u jħobbuhom xorta waħda. Dan ma jfissirx li jkunu japprovaw l-omosesswalità. Jekk ma jilqgħuhomx huma, min se jilqagħhom? Fejn jistgħu jsibu għajnuna u wens jekk mhux f’dirgħajn il-ġenituri tagħhom?
L-attitudni lejn l-omosesswali fis-soċjetà
Persuni omosesswali għandhom kontribut sħiħ x’jagħtu fis-soċjetà. Huma ċittadini bħal u daqs ħaddieħor, u għalhekk għandhom ikunu rispettati u jgawdu drittijiet bħall-oħrajn. Huwa l-obbligu tal-gvern li jħares id-drittijiet legali tagħhom u jħarishom minn kull diskriminazzjoni. Is-soċjetà hi magħmula minn nies bi ħsibijiet diversi u għalhekk jeħtieġ insibu t-triq biex ngħixu ma' xulxin mingħajr ma niċħdu l-konvinzjonijiet tagħna u, fuq il-banda l-oħra, mingħajr ma noqgħodu ngħajjru lil xulxin omofobiċi u fundamentalisti.
L-attitudni lejn l-omosesswali fil-knisja
Alla l-Missier jibgħat ix-xita u x-xemx fuq kulħadd, mhux fuq il-ġusti biss. Ladarba aħna wliedu, irridu nuru l-istess attitudni ta’ mħabba lejn persuni gay. Il-bieb u l-qalb tal-knisja għandhom ikunu miftuħin għal kulħadd, altrimenti ħadd minna ma jidħol – għax lkoll kemm aħna ksirna u niksru l-liġi t’Alla. Il-knisja għandha tkun rifuġju għal kulħadd. Forsi jekk fil-weġgħat u t-tbatijiet tiegħu jsib mħabba ġenwina fina l-Insara, il-persuna gay ikun aktar lest jisma’ l-evanġelju mingħandna, biex jagħraf il-qagħda tiegħu quddiem Alla, u l-ħniena tiegħu, u jdur lejn il-Mulej Ġesù għall-maħfra, ħelsien u ħajja ġdida.
Is-sesswalità fl-Iskrittura
Alla ħalaq il-bniedem, raġel u mara, fuq xbieha tiegħu, indaqs fl-unur, imma differenti u kumplimentari għal xulxin. Iż-żwieġ hu rabta bejn raġel u mara għal ħajjithom, u jekk ikun possibbli għat-tnissil u t-trobbija tal-ulied. Is-sess huwa l-espressjoni ta’ dik l-għaqda unika u l-mezz għal prokreazzjoni. Għall-Insara ż-żwieġ għandu sinifikat spiritwali, għax hu sinjal tar-relazzjoni ta’ Kristu mal-knisja tiegħu.
Għaldaqstant il-bigamija, il-poligamija, l-omosesswalità, is-sess qabel iż-żwieġ, l-adulterju u l-infedeltà jmorru kontra r-rieda t’Alla għaż-żwieġ u s-sess. L-Iskrittura tgħallem li l-omosesswalità u sess barra ż-żwieġ huma dnub; fl-istess ħin Alla jistieden lill-bnedmin kollha – għax kollha midinbin, inkluż l-omosesswali u ż-żienja - għall-indiema, il-maħfra u ħelsien permezz ta’ Kristu.
L-attivisti LGBT iridu jibdlu t-tifsira taż-żwieġ. Iridu jimponu fuq kulħadd definizzjoni ġdida taż-żwieġ, fejn relazzjoni omosesswali hi meqjusa ekwivalenti għal relazzjoni bejn raġel u mara fiż-żwieġ, kontra t-tagħlim tal-Kelma tal-Ħallieq.
L-omosesswalità fl-Iskrittura
Il-Kelma t’Alla tgħid ċar li l-omosesswalità hi dnub.
- La timteddx ma' raġel, bħalma timtedd ma' mara; għax hi ħaġa moqżieża (Lev 18:20-23).
- Għalhekk Alla telaqhom għal ġibdiet bla ġieħ. In-nisa tagħhom bidlu l-użu naturali fl-użu kontra n-natura; hekk ukoll l-irġiel ħallew l-użu naturali tal-mara u xegħlu bil-passjoni għal xulxin, rġiel ma' rġiel, biex jagħmlu ħwejjeġ bla ġieħ; u bi ħlas ta' dan jirċievu fihom infushom il-ħlas li ħaqqhom ħtijiethom (Rum 1:26, 27).
- Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-saltna ta' Alla? La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna ta' Alla! U minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem ta' Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu ta' Alla tagħna (1 Kor 6:9-11). (Ara hawn dwar it-tifsira tal-kelma omosesswali).
Din hi x-xhieda u l-esperjenza tagħna l-Insara: Alla ħelisna mid-dnub u tana ħajja gdida. Ix-xewqa u s-sejħa tagħna lil kulħadd - u żgur li ma rridux nħallu barra lil persuni gay - hi din, li jduru lejn il-Mulej Ġesù u jafdaw fih biex isibu l-hena li l-qalb umana tant tixxennaq għalija.