Ħabta fir-Ras


It-tfal sikwit jaqgħu, iweġġgħu u jaħbtu rashom. Ħafna drabi ma jkunx hemm konsegwenzi serji, imma l-ġenituri għandhom dejjem ikellmu lit-tabib għall-parir, u jekk il-ħabta tkun qawwija, imorru l-emerġenza jew iċemplu għall-ambulanza.

Daqqa qawwija fir-ras tista’ tirriżulta f’concussion – it-tifel jintilef minn sensih għal xi ħin. Barra minn hekk, id-daqqa tista’ tagħmel ħsara fil-moħħ u fil-vini madwar il-moħħ, kif ukoll ksur tal-iskutella tar-ras. Jista’ wkoll jinġema’ d-demm fir-ras, anke sigħat wara li tkun saret il-ħabta u avolja fuq barra ma jkun jidher xejn ħażin. F’dan il-każ, l-imġieba tat-tifel tinbidel, jitħeddel u jibda jintilef minn sensih. Peress li d-demm miġmugħ iżid il-pressjoni fuq il-moħħ, ikun hemm bżonn intervent kirurġiku urġenti.

X’Għandek Tagħmel

Jekk it-tifel ma ntilifx minn sensih u beka mill-ewwel, tista’ tqiegħed cold pack għal madwar kwarta fuq il-gundalla (imma qatt fuq l-għajnejn). Tista’ tagħti paracetamol jew ibuprofen għall-uġigħ. Osserva sew x’jiġri fuq 24 siegħa, u ħallieh jilgħab, jiekol u jorqod bħas-soltu. Toqgħodx tqajmu mill-irqad jekk mhux fuq il-parir tat-tabib.

Dejjem ikkonsulta mat-tabib avolja l-ħabta fir-ras ma tkunx qawwija.

Meta Tmur l-Isptar

Ħu t-tifel l-emerġenza jekk:
  • Jitħeddel aktar mis-soltu u isir diffiċli biex tqajmu mill-irqad
  • Jibqa’ jibki fit-tul
  • L-imġieba tiegħu tinbidel
  • Jirremetti aktar minn darbtejn
  • Tagħtih aċċessjoni
  • Jekk b’xi mod jibqa’ jinkwetak
Ħabta Qawwija

Jekk il-ħabta kienet qawwija (ngħidu aħna waqgħa mill-għoli jew aċċident tat-traffiku), u jekk l-korrut mhux f’sensih, iċċaqalqux minn postu (li ma jmurx ikollu ksur f’għonqu u tagħmel ħsara fis-sinsla tad-dahar). Jekk ikun qed inixxi d-demm, applika biċċa nadifa fuq il-ferita. Tipprovax tnaddaf il-ferita jew tneħħi xi oġġett minnha (għax tista’ iżżid it-telf tad-demm). Jekk jibqa’ f’senih oqgħod il-ħin kollu ħdejh u għamillu kuraġġ. Ċempel mill-ewwel għall-ambulanza fuq in-numru tal-emerġenza 112.

Prevenzjoni
  • Tħallix tfal żgħar weħidhom fuq is-sodda, fil-cot bil-ġenb imniżżel, sufan, high chair jew nappy changer, lanqas għal mument wieħed.
  • Ipprepara kollox ħdejn in-nappy changer (ħrieqi, wipes, ilbies) qabel tibda, biex ma jkollokx bżonn tħalli lit-tarbija weħidha.
  • Għamel xatba fit-taraġ – kemm fuq kif ukoll isfel.
  • Ara li hemm ċint fuq il-bejt, u poġġaman fit-taraġ, il-landing u l-gallarija.
  • Tużax il-walker.
  • Orbot it-tfal żgħar fil-highchair u pushchair.
  • Tħallix it-tfal jilgħabu weħidhom speċjalment fuq il-bejt.
  • Libbes il-ħelmet meta jkunu bir-rota, scooter jew skateboard.
  • Ara li t-tfal ikunu marbutin kif suppost fil-karozza.
  • Għallem tfal akbar biex ma jaqbżux għal rashom fil-baħar jekk ikun baxx jew jekk ma jafux kemm hu fond.
Minkejja il-miżuri kollha li nistgħu nieħdu, it-tfal xorta waħda jweġġgħu. Għalhekk wieħed irrid joqgħod lura minn kliem iebes lil min kien qed jieħu ħsieb it-tifel meta weġġa’. Minn jieħu ħsieb it-tfal jaf kif dawn ikorru minn taħt għajnjejk. Fortunatament il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-waqgħat u korrimenti jgħaddu bla problemi. Kif kienet tgħidli ommi kull meta kont inweġġa’, “Tikber u tinsa.”