Is-sogħla fit-tul
Meta t-tfal żgħar jabqadhom riħ komuni, huwa normali li s-sogħla ddum bejn ġimgħatejn u tlieta qabel tieqaf għal kollox. Din hi l-aktar kawża komuni għaliex it-tfal żgħar jibqgħu jisgħolu fit-tul.
Jista' jkun hemm raġunijiet oħra:
1. Tfal żgħar li għadhom jibdew in-nursery u l-kindergarten jimirdu ta' spiss. Bilkemm ikun għaddielhom u jerġgħu jimirdu. Dan ukoll huwa normali. B'dan il-mod ikunu qed jibnu l-immunità, u għalhekk fis-snin ta' wara ma jibqgħux jimirdu daqshekk ta' spiss.
2. Possibilità oħra hi l-allerġija – li tista' tieħu żewġ forom – hayfever (sintomi l-aktar fl-imniffsejn) jew ażma (sintomi ġejjin mill-pulmun). It-tabib jistaqsi diversi mistoqsijiet biex jasal għall-dijanjosi, u jkun jista' jagħti l-kura apposta – antihistamines jew spray tal-isteroids fl-imniffsejn (fit-tfal akbar) għall-hayfever, u spray tal-isteroids (preventer) jew montelukast għall-ażma.
3. Is-sogħla fit-tul tista' tkun l-effett sogħla konvulsiva. Il-passaġġi tal-arja jibqgħu sensittivi u s-sogħla ddum diversi ġimgħat. Din il-problema mhix daqshekk komuni fit-tfal żgħar peress li huma mlaqqmin (6-in-1) kontra s-sogħla konvulsiva. Madankollu fit-tfal akbar, minn 5 snin 'il fuq, l-effett tal-tilqim jonqos, u għalhekk it-tfal akbar u adoloxxenti huma f'riskju li taqbadhom is-sogħla konvulsiva. Kellem lit-tabib tat-tfal tiegħek jekk tixtieq tagħtihom booster kontra s-sogħla konvulsiva.
4. Raġuni komuni ħafna tas-sogħla fit-tul huma is-sigaretti u r-riħa tagħhom fl-ambjent. Iridu jew ma jridux, it-tfal ipejpu mal-ġenituri tagħhom. Anke jekk il-ġenituri jpejpu barra, xorta waħda jkunu qed jesponu lil uliedhom għat-tossiċi li fihom is-sigaretti. Wara li tpejjep sigarett wieħed iddum 3 SIEGĦAT toħroġ il-kimiċi valenuzi minn ħalqek. Naprezza li huwa diffiċli li taqta l-vizzju, imma għall-imħabba ta' wliedhom, il-ġenituri kapaċi jagħmlu sagrifiċċji kbar u jieqfu jpejpu.
5. Jekk it-tfal jixirqu f'xi ikel (bħal karawetta) jew xi oġġett żgħir, l-oġġett jista' jidħol fil-bronki u jikkawża sogħla qawwija dak il-ħin. Jekk jibqa' ma jitneħħiehx (permezz ta' bronchoscopy), is-sogħla tibqa' tippersisti fil-ġimgħat ta' wara.
Kellem lit-tabib jekk is-sogħla bid-deni ddum aktar minn tlett ijiem. Għandu mnejn jordna chest x-ray għax il-kawża tista' tkun pneumonia (infezzjoni fil-pulmun).
It-tabib jigwidak x'inhi l-aħjar kura (jekk wara kollox ikun hemm bżonn kura). Il-cough suppresants (li jwaqqfu s-sogħla) rari jintużaw fit-tfal, u jekk xejn għal ftit jiem biss għal sogħla xotta. Is-sogħla huwa l-mezz li l-ġisem jeħles mill-katarru li jkun qed jinġabar fil-pajpijiet tan-nifs.