X'Għandha Tixrob it-Tarbija?
It-tarbija m'għandiex bżonn aktar ilma biex taqta' l-għatx, lanqas fis-sajf. Il-ħalib jipprovdi biżżejjed ilma biex jissodifa l-għatx filwaqt li jiprovdi wkoll in-nutrimenti tant meħtieġa biex tikber sewwa.
Iċċekkjajt l-ingredjenti tat-tè tal-kamomilla tat-tarbija: 98% zokkor! Mhux sew li minn età hekk tenera ndarruhom bi 'sweet tooth' tant li biex jixorbu xi ħaġa trid tkun ħelwa.
Il-fennel tea mhux rakkomandat għal tfal taħt l-erba' snin (European Medicines Agency).
Ninkwieta meta l-ġenituri jgħiduli li t-tfal tagħhom ma jixorbux ilma waħdu. Minflok jixorbu juices, nectars, l-ilma li jkunu għallu fih it-tuffieħ, ice-tea, soft drinks, fruit drinks, ħalib tal-kulur jew bis-sensation. Zokkor, zokkor u aktar zokkor! Dan ifisser ħxuna u snien imħassrin.
Meta jinbeda l-ewwel ikel it-tarbija tixrob ftit ħalib qabel jew wara li tiekol. Meta tidhra tiekol sew, minflok ħalib ibda offrilha ftit ilma f'bottle jew beaker. Forsi għall-ewwel ma tieħu xejn jew tieħu ftit, imma biż-żmien tidrah. Tkun tista' toffrilha ilma f'ħinijiet oħra wkoll. Tagħtihiex xorb ieħor.
Meta it-tarbija tibda tiekol, l-aħjar żewġ xarbiet għaliha huma l-ħalib u l-ilma. Jien naħseb li aħjar nevitaw il-juices għat-tarbija. Tista' żżid ftit meraq tal-larinġ mħallat ma' frott ieħor, u aktar tard, meta t-tarbija tkun taf tiekol, tista' toffrilha biċċiet żgħar ta' larinġ.
Fi ftit kliem:
- Agħti lit-tarbija ħalib biss sakemm jinbeda l-ikel.
- Meta tibda l-ikel darri lit-tarbija tixrob l-ilma wkoll.
- Tagħtihiex xarbiet oħra, speċjalment ħelwin.