Is-Sogħla Konvulsiva
Is-sogħla konvulsiva hi infezzjoni respiratorja kkaġunata minn mikrobu, Bortadetella pertussis.
Tibda’ bħala riħ komuni, bi flissjoni, ftit deni u ftit sogħla. Wara ġimgħa jew tnejn jibdew attakki ta’ sogħla qawwija u fit-tul, li jħallu lill-pazjent bla nifs u bla saħħa; jista’ wkoll jirremetti. Fit-tarf tal-attakk tas-sogħla, il-pazjent jagħmel ħoss waqt li jieħu nifs il-ġewwa fil-fond. (Dan il-ħoss jissejjaħ ‘whoop’ u għalhekk bl-Inġliz din l-infezzjoni tissejjaħ whooping cough).
Dawn l-attakki ta’ sogħla vjolenti jdumu madwar 8 gimgħat. Fil-gimgħat ta’ wara s-sogħla tibda tonqos sakemm tgħaddi għal kollox. Kultant is-sogħla konvulsiva terġa’ tibda meta jaqbdek riħ.
Is-sintomi ma jkunux daqshekk qawwija f’adoloxxenti u adulti li qabel kienu mlaqqmin. Is-sogħla tista’ tkun l-unika sintomu.
It-trabi żgħar jista’ ma jkollhomx wisq sogħla, imma minflok jieqfu jieħdu n-nifs (apnoea). Jista’ wkoll ikollhom komplikazzjonijiet oħra bħal infezzjonijiet fil-widnejn jew pulmun, u aċċessjonijiet. Is-sogħla konvulsiva hi għalhekk l-aktar serja fit-trabi fl-ewwel sitt xhur tal-ħajja, u sikwit ikollhom bżonn jiddaħħlu l-isptar għall-kura.
Il-mikrobu jittieħed mill-arja meta xi ħadd jisgħol fil-viċin. L-aktar li huma f’riskju huma t-trabi mit-twelid sakemm jieħdu l-ewwel tliet tilqimiet, u adoloxxenti u l-adulti peress li l-protezzjoni mit-tilqima li kienu ħadu fi ċkunithom tibda tonqos.
Fil-bidu mhux faċli tagħraf is-sogħla konvulsiva peress li s-sintomi jkunu jixbħu riħ komuni. Meta s-sogħla tippersisti u ssir aktar qawwija t-tabib jkun jista’ jagħmel dijanjosi aħjar. It-tabib jista’ jordna xi testijiet ukoll.
Il-kura tinkludi antibijotiku biex ma jibqax jinxtered il-mard. Madankollu s-sogħla tippersisti. Il-mediċini ma tantx jgħinu biex jikkalmaw is-sogħla. Tajjeb li tuża vaporizer u żżomm l-arja nadifa minn dħaħen tas-sigaretti.
It-tilqim jagħti l-aħjar protezzjoni kontra s-sogħla konvulsiva. It-trabi jingħataw tlett tilqimiet fl-ewwel xhur tal-ħajja (bħala parti mis-six-in-one), u booster ta’ sena u nofs. Il-protezzjoni tonqos mas-snin u għalhekk ikun tajjeb li titkellem mat-tabib jekk tixtieq tagħti booster lit-tfal akbar u adoloxxenti.