Meta twaqqaf il-ħalib mill-flixkun
Mhux dejjem faċli li t-tfal żgħar jaqtgħu l-flixkun. Il-paediatricians jirrakkomandaw li l-flixkun jinqata’ qabel it-tfal ikollhom sena u nofs. Jekk jibqgħu jixorbu l-ħalib mill-flixkun dan jista’ jwassal għal (1) taħsir fis-snien u (2) jixorbu aktar ħalib milli jeħtieġu.
Introduċi sippy cup jew tazza tal-plastik minn kmieni, meta t-tarbija jkollha 6 xhur, billi toffrilha ftit ilma wara l-ikel. Ħu ftit paċenzja, it-tarbija taf iddum ftit ġimgħat sakemm tidra tixrob mit-tazza.
Meta t-tarbija tagħlaq sena, ibda aħseb biex taqta’ l-ħalib mill-flixkun. Matul l-jum ibda agħtiha tixrob ftit ħalib minn sippy cup jew tazza tal-plastik. Fl-aħħar aqta’ wkoll il-flixkun ta’ qabel l-irqad, u minflok agħtiha tixrob ftit ħalib pasturizzat minn tazza jew beaker. Agħti soft-toy lit-tarbija biex tidra torqod bih. Minn meta jagħlqu sena it-tfal m’għandhomx bżonn jieklu jew jixorbu matul il-lejl, għalkemm għal xi żmien jafu jipprotestaw bil-qawwi.