Avvelenament
Għexieren ta’ tfal, speċjalment toddlers, jiddaħħlu l-isptar kull sena għax ikunu belgħu xi mediċini jew xorbu xi kimiċi. Ħafna drabi jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid, imma kultant il-konseġwenzi jistgħu jkunu koroħ.
Il-Prevenzjoni
- Il-mediċini għandhom jinżammu msakkrin f’kexxun jew f’armarju fejn ma jintlaħqux mit-tfal. Il-bottijiet ‘child proof’ huma tajbin, imma mhux l-ewwel darba li t-tfal irnexxielhom jiftuhom.
- Tippreparax mediċini jew ħalib fid-dlam għax faċilment tista’ tiżbalja jew tagħti doża ħażina.
- Ara li tagħti l-mediċina korretta, fid-doża eżatta u fil-ħin propju, kif miktuba mit-tabib jew spiżjar. Aqra wkoll l-istruzzjonijiet fuq il-prodott.
- Attent speċjalment għall-paracetamol għax overdose jista' jwassal għall-ħsara fil-fwied. Il-paracetamol jingħata sa massimu ta' 4 darbiet f'24 siegħa. Arfen, Capol u Panadol huma l-istess mediċina, u għalhekk ma tistax tagħtihom fl-istess ħin għax tkun qed tagħti doża doppja.
- Prodotti tat-tindif (bħall-bleach) u diżinfettanti (bħad-Dettol) għandhom jitqiegħdu f’post fejn ma jintlaħqux mit-tfal. Tpoġġix kimiċi jew pitrolju ġo fliexken tal-luminata.
- Armi batteriji żgħar (‘button’) użati għax dawn huma partikolarment perikolużi. Jekk tifel jibla’ waħda minnhom, tista’ toħroġ il-kimika u tikkawża perforazzjoni fil-pajp ta’ l-ikel.
- L-alkoħol huwa velenu għat-tfal - jistgħu jintilfu minn sensihom u jbaxxi z-zokkor fid-demm għal-livell perikoluż. It-tfal żgħar m’għandhomx jingħataw alkoħol, lanqas biex ‘niggustawhom’, u m’għandhomx ikollhom aċċess għal xarbiet alkoħoliċi. Il-ġenituri għandhom jiddiskuti l-użu sensibbli ta’ l-alkoħol ma’ tfal akbar u jagħtuhom eżempju u mudell tajjeb billi jużaw l-alkoħol (jekk jużawh) b’mod responsabbli, ngħidu aħna billi kultant jixorbu tazza inbid mal-ikel.
Il-Kura
- Ħu parir mediku. Ċempel iċ-Ċentru tas-Tossikoloġija fuq 1774 għall-parir jekk taf jew tissusspetta li t-tifel jew it-tifla tiegħek setgħet belgħet xi mediċini jew kimiċi.
- Jekk issib pilloli jew likwidi mxerrdin mal-art, jew riħa mhux tas-soltu fil-ħalq jew fuq l-ħwejjeġ tat-tifel, għandek tissuspetta avvelenament. Is-sintomi jistgħu jkunu telqa, konfużjoni, nagħas u rimettar. Jista’ jkun ukoll li ma jkun hemm ebda sintomi speċjalment fl-ewwel siegħat. Għalhekk ħu azzjoni mill-ewwel anke jekk m’għandikx evidenza żgura ta’ avvelenament.
- Tipprovax iġġiegħel lit-tifel jirremmeti jekk mhux fuq parir mediku, speċjalment jekk ma jkunx mija fil-mija f’sensieh (għax jista' jaspira r-remettar fil-pulmun) jew jekk ikun bela’ xi likwidu korrużiv bħall-aċidu, jew likwidu volatili bħat-thinner (għax jekk jirremmetti jerġa’ jaħraq il-passaġġ tal-ikel, il-ġriżmejn u l-ħalq).
- Jekk tingħata parir biex tmur l-isptar, ħu miegħek il-flixkun, bott jew pakkett tal-medicini li tissuspetta li ttieħdu. Taħlix ħin sakemm tmur l-isptar – aktar ma tasal kmieni aħjar. Kultant ikun hemm bżonn innaddfu l-istonku billi ngħaddu tubu mill-imnieħer, nieħdu xi testijiet (bħal livell ta’ paracetamol fid-demm) u nagħtu activated charcoal biex jassorbi l-mediċina mill-istonku. Ġeneralment it-tifel jinżamm għall-osservazzjoni u monitoring biex jekk ikun hemm bżonn xi intervent ikun jista’ jsir fil-ħin.