Tantrums

Qiegħda s-supermarket tistenna biex tħallas. It-tifel ra l-iSmarties. Irid. Inti tgħidlu le. F’daqqa waħda t-tifel jibda jibki, jgħajjat, jagħti b’idejh u saqajh ... xenata sħiħa, temper tantrum! Tħossok irrabjata u imbarazzata. Hemm xi mezz biex tipprevjeni t-tantrum? Kif għandek twieġeb għalih? Għaliex, wara kollox, it-tfal żgħar jkollhom it-tantrums?

X’inhuma t-tantrums?

It-tantrums huma espressjoni tal-frustrazzjoni tat-toddler għall-isfidi tal-ħajja! Iħossu rrabjat u mdejjaq meta ma jistax jagħmel xi ħaġa (eż jaqfel il-buttuna), meta  il-mamà ma tridx tagħtih xi ħaġa li jrid, meta se jkollu jieqaf milli qed jagħmel (eż daqshekk TV għax wasal il-ħin tal-irqad), u meta ma jistax jesprimi x-xewqat tiegħu sewwa bil-kliem. It-tantrums jistgħu jiġru f’kull ħin imma huma aktar komuni meta t-tfal ikunu bil-għatx, bil-ġuħ, skomdi jew għajjiena.

Qabel tantrum

Għalkemm mhux dejjem possibbli, nistgħu nagħmlu ħafna biex niprevenu t-tantrums.

  • Għallem lit-tfal jistaqsu għal xi ħaġa mingħajr tqanżieħ, biki jew għajjat. Tagħtihx li jrid jekk jagħmel xenata. Wara li jikkalma għidlu, ‘Mark, għidli xi trid bil-mod, u jekk nista’ nagħtik.’
  • It-toddlers jifhmu ħafna aktar kliem milli kapaċi jitkellmu. Għallem it-tfal jużaw kliem sempliċi u mossi biex jesprimu lilhom infushom: “bil-ġuħ,” “bil-għatx,” “għajjien,” “irrid dik.” Għallem tfal akbar jużaw il-kliem biex jesprimu dak li jħossu.
  • Tagħtix lit-tfal għażla jekk m’intix toffrilhom għażla. Jekk trid lit-tifel jiġi jiekol, tistaqsihx, “Trid tiekol issa?” (għax jista' jwieġbek, "Le ma rridx.") Imma għidlu, bi kliem sempliċi, “Ejja biex tiekol.”
  • Agħti lit-tfal sehem f’deċiżjonijiet żgħar meta jkun possibbli. “Liema libsa trid tilbes – din jew din?” Mhux qed tgħidilha tagħżel kwalunkwe libsa – altrimenti tista’ tagħżel waħda li ma tkunx addattata, imma meta inti għażilt żewġt ilbiesi addattati, it-tifla ħadet sehem ukoll billi għażlet waħda minnhom.
  • Jekk ma tridx lit-tfal imissu jew jilagħbu b’xi oġġetti (bħal imqass) jew ma tridhomx jieklu xi ikel, tħallihomx fejn jidhru. Bogħod mill-għajn, bogħod mill-qalb ... u anqas inkwiet.
  • L-imġieba tat-tfal taf tkun ħażina f’xi ħinijiet tal-ġurnata għax ikunu għajjenin, bil-ġuħ jew għax m’għandhom xejn interessanti x’jagħmlu. Agħtihom snack x’jieklu, ħudhom jorqdu jew jistrieħu, jew agħtihom xi ħaġa x’jagħmlu (crafts, storja, joħorġu barra jilaghbu), skont il-każ. Ippjana x-xirja meta taf li t-tfal ma jkunux bil-ġuħ jew għajjiena. Kemm jista’ jkun daħħal rutina għall-ikel jew l-irqad.
  • Evita konfrontazzjoni fuq ħwejjeġ żgħar – tgħidx “le” għal kulma t-tifel jitolbok jew jixtieq, speċjalment jekk ikun qallek b’mod tajjeb.
  • Avża lit-tfal qabel ma tkun se tintemm xi attività biex ma twaqqafhomx ħabta u sabta. ‘Dalwaqt ikun lest l-ikel. Ftit ieħor se ngħidilkom tiġu tieklu.’ Jew, ‘Tistgħu taraw cartoon ieħor. Meta jispiċċa se nitfu t-TV,  naħslu s-snien u mmorru fis-sodda.’
  • Faħħar it-tifel għall-imġieba tajba. Agħtih bewsa, tgħanniqa jew ‘ghidlu bravu’ meta jġib ruħu sew, jobdik jew jixxerja toy ma ħaddieħor.

Waqt tantrum

  • Ibqa’ kalma u targumentax mat-tifel. Din hi l-aktar aspett diffiċli għax inti wkoll tħossok irrabjat. Qabel tgħallem lit-tifel jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu, trid tieħu ħsieb l-imġieba u l-emozzjonijiet tiegħek. Bl’għajjat tiegħek tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni. Jekk hemm bżonn warrab biex tieħu kontroll tiegħek innifsek.
  • Mal-ewwel sinjali ipprova aljenah billi toffrilu alternattiva. Neħħi minn idejh dak li ma tridux jaqbad u minfloku agħtih toy. Jew ħudu f’post differenti. 
  • Ipprova intervjeni qabel it-tifel jitlef il-kontroll. Inżel maġenb it-tifel, ħares f’għajnejh u b’vuċi ta’ simpatija (bħallikieku inti wkoll irrabjata u mdejqa) għidlu, ‘Mark, naf li tixtieq l-imqass!  Tħossok irrabbjat, hux?’ U meta jidher qed jikkalma, ‘Ejja nġibu t-tools tiegħek,’ u ħudu fil-kamra tiegħu jġib it-tool box tiegħu.
  • Jekk it-tifel qed jagħmel tantrum biex jiġbidlek l-attenzjoni, injorah, jekk hemm bżonn itlaq minn ħdejh u kompli bix-xogħol tiegħek. Meta jikkalma, agħtih l-attenzjoni li jixtieq.
  • Żomm sod it-tifel jekk ikun tilef il-kontroll jew jista’ jweġġa’ lilu nnifsu jew lil ħaddieħor. Għidlu li titilqu meta jikkalma.
  • Jekk t-tantrum jeskala, ħu jew ibgħat lit-tifel ‘time-out’ għal madwar minuta għal kull sena età (tifel ta’ 3 snin idum madwar 3 minuti) jew aħjar sakemm jikkalma. Għażel post – kantuniera, ma’ ħajt jew bilqegħda fuq siġġu– fejn jista’ joqgħod sakemm jikkalma. Waqt it-time-out tidħolx f’konversazzjoni miegħu. Jekk jitlaq minn hemm, erġa’ ħudu. Meta jikkalma, għidlu ‘Ikkalmajt. Bravu.’

Wara tantrum

  • Qatt m’għandek iċċedi għal tantrum. Jekk tagħmel hekk tkun qed tistieden aktar tantrums fil-futur.
  • Meta t-tifel jieħu kontroll tiegħu nnifsu għidlu ‘Ikkalmajt, bravu!’ imma tippremjahx sempliċiment għax ikkalma. Xi tfal jitgħallmu jagħmlu tantrums biex jieħdu xi premju wara. Mill-banda l-oħra tikkastigahx għax għamel tantrum. Lit-tfal irriduhom jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom (u rridu ngħallmuhom jesprimuhom sewwa). Imma jekk waqt tantrum kien vjolenti jew arroganti (jobżoq, ikisser) wissieh li jekk jagħmel hekk darba oħra se jieħu punishment, għidlu x’ikun il-punishment, u jekk jirrepeti l-istess imġieba, żomm kelmtek.
  • Għallem lit-tifel li aħna lkoll inħossuna rrabjati, imma mhux sew li jgħajjat jew isabbat. Spjega lit-tifel li hemm modi aħjar biex jieħu dak li jixtieq billi jgħidlek bil-kliem. Għidlu kemm tħobbu u li kultant ma tkunx tista’ tagħtih li jixtieq.

Tantrum fil-pubbliku

Tagħtix każ x’jaħsbu jew x’jgħidu n-nies! Żomm kalma bħas-soltu. Jekk ma jirnexxilikx twaqqaf it-tantrum billi taljenah, ħudu f’post waħdu (fil-karozza jew xi rokna) għal time out biex jikkalma. Kif jieqaf, erġa’ kompli dak li kont tagħmel (biex it-tifel ma jaħsibx li jeħles jew jitlaq minn x’imkien li ma jogħġbux billi jagħmel tantrum).

Opportunità ta’ tagħlim

It-tantrums huma aspett normali fl-iżvilupp tat-tfal. Jafu jibdew meta t-tarbija jkollha sena, u huma sinjal li t-tifel jew it-tifla qed jiskopru l-indipendenza, ix-xewqat u r-rieda tagħhom. Huma opportunità għall-ġenituri biex jgħallmuhom:

1. Jikkontrollaw u  jesprimu r-rabbja u l-emozzjonijiet tagħhom mingħajr xenati.
2. Jikkomunikaw ix-xewqat tagħhom bil-kliem u mingħajr tqanżiħ jew għajjat.
3. Li mhux dejjem jistgħu jieħdu dak li jridu; kultant it-tweġiba tkun ‘Le’.
4. Jirrispettaw l-awtorità tal-ġenituri tagħhom.

Aktar mat-tfal jikbru, jimmaturaw u jitgħallmu jitkellmu aħjar, it-tantrums jibdew jonqsu. Jekk it-tantrums huma wisq fit-tul u ta’ spiss, jekk jibqgħu sejrin wara 4 snin, u jekk tħossok inkwetata fuq l-imġieba, tajjeb li titkellem mat-tabib tat-tfal fuq hekk.