L-għożża tal-Missier għal uliedu

Sabiħa wisq ir-rabta ta' missier ma' wliedu.

Sfortunatament mhux kulħadd kellu x-xorti li jitrabba fl-għożża ta' missieru. Forsi minħabba mewt jew separazzjoni, jew attitudni goffa u ħarxa tal-missier, jew għax il-missier twarrab mill-ħajja ta' wliedu għax kellu ħwejjeġ aktar "importanti" x'jagħmel.

Madankollu kulħadd jista' jgawdi minn imħabba paterna li tisboq bil-wisq kull relazzjoni umana ... għax kull wieħed u waħda minna nistgħu mmorru għall-wens t'Alla l-Missier! Dawk kollha li jemmnu fi Kristu huma wlied addottivi tiegħu, u jistgħu jsejjħulu, "Abba, Missier."

Darba t-tifel qam imwerwer bil-lejl jgħajjatli. Sibtu fil-kamra tiegħu bilqiegħda fis-sodda. "Papà," qalli imbikkem, "kelli ħolma kerha." "Trid tgħidli x'kienet jew trid tinsieha?" staqsejtu. "Irrid ninsieha," weġibni. "Ftakar John li dik kienet ħolma, mhux ta' veru, u li issa hawn il-papà ħdejk." Għannaqna lil xulxin, u ftit minuti wara reġa' raqad.

Aħna lkoll fil-ħolm ikraħ tal-ħajja nistgħu nsejjħu lil Missierna fis-smewwiet - meta nkunu għaddejjin minn inkwiet, tbatija jew mard, u meta t-toqol tal-ħtija tagħfas wisq fuq ruħna - u qalbna tistrieħ bil-kelma ħelwa tiegħu ta' maħfra u fejqan, u bit-tgħanniqa tal-imħabba tiegħu.