Nipproteġu lit-Tfal Żgħar

It-tfal żgħar huma kurjużi, immaturi u m’għandhom sens ta’ biża’, u għalhekk huma suġġetti li jkorru u jweġġgħu, kultant serjament. Bħala ġenituri għandna nipprovulhom l-opportunità biex jilgħabu  f’ambjent kemm jista’ jkun bla periklu, nieħdu ħsiebhom u nżommu għajnejna fuqhom.

Xokk Elettriku
  • Is-sockets għandhom jingħalqu bil-blanks.
  • Tħallix u tużax apparat tal-elettriku (bħal hair dryer) fil-kamra tal-banju.
  • Kun żgur li s-sistema elettrika tad-dar tinkludi s-salvavita.
Waqgħat u Korriment
  • Il-walker mhux irrikkmandat. Ħafna tfal weġġgħu serjament bih. Qabel jitilqu jimxu, it-trabi għandhom jitħallew jilgħabu fuq tapit u crawling fl-art.
  • Tħallix it-tarbija weħidha fuq is-sodda, sufan, il-high-chair jew fil-cot bil-ġemb imniżżel.
  • Ipprepara kollox ħdejn in-nappy changer (ħrieqi, wipes, ilbies) qabel tibda, biex ma jkollokx bżonn tħalli lit-tarbija weħidha.
  • Għamel xatba fit-taraġ – kemm fuq kif ukoll isfel.
  • Ara li hemm ċint fuq il-bejt, u poġġaman fit-taraġ , l-landing u l-gallarija.
  • Waħħal ‘corners’ tal-plastic artab mal-kantunieri tal-għamara li jistgħu jolqtu wiċċhom magħha.
Ħarqa u Samta
  • Iċċekkja bil-minkeb t-temperatura tal-ilma qabel tpoġġi t-tarbija fil-banju.
  • Issettja t-temperatura tat-termostat tal-giżer għal 50°C.
  • Tħallix it-tfal jiġru fil-kċina waqt it-tisjir.
  • Sajjar fuq il-burners ta’ wara, bil-manku tat-t-taġen jew kazzola mdawwar ‘il gewwa.
  • Tħallix kikkri b’xarbiet sħan fuq il-mejda fejn jistgħu jintlaqtu mit-tfal żgħar għax faċli jaqilbuhom għal fuqhom. Tiżrobx xarbiet jaħarqu bit-tfal bilqiegħda fuq ħoġrok.
  • Idilkilhom sunblock (SPF 50) u libbishom ilbies abjad u kappell biex tipporteġihom mir-raġġi UV u tħallix it-tfal barra fl-eqqel tax-xemx.
Għarqa

It-tfal jistgħu jegħrqu f’xiber ilma; tħallix il-banju jew xi barmil mimli b’ilma.
Oqgħod mat-tfal fil-kamra tal-banju.
Żomm għajnejk fuq it-tfal waqt l-għawm, u meta tkunu ħdejn il-baħar jew swimming pool.

Avvelinament

Il-mediċini għandhom jinżammu msakkrin jew fejn ma jistgħux jintlaħqu.
l-kimiċi (bħal detergents, diżinefettanti, insettiċidi u kimiċi tal-ġnien) għandhom jinżammu fejn ma jidhrux u ma jintlaħqux.

Inċidenti tat-Traffiku
  • It-trabi għandhom jitqegħdu f’baby seat iħares luru, rear facing, u mhux ‘il quddiem jew għal ġemb. Jekk torbot il-baby seat fuq il-passenger seat ta’ quddiem, ara li titfi l-airbag u orbtu jħares lura.
  • It-tfal għandhom jirkbu fuq is-sidil ta’ wara. ‘Post it-tfal, wara!’ Tfal bejn sena u erba’ snin għandhom jintrabbtu f’car seat iħares il-quddiem; tfal akbar għandhom jintrabbtu biċ-ċintorin tas-sigurtà.
  • Għallem it-tfal jaqsmu t-triq u jużaw iż-żebra crossing.
  • Dwar ir-rota, għallem lit-tfal jilbsu l-elmu, isuqu skond ir-regolamenti u li dejjem iżommu mal-ġemb, speċjalment meta jkunu jiksru l-kantuniera. Tħallix it-tfal isuqu f’toroq traffikużi.
Xerqa
  • Għati lit-tfal żgħar ikel artab u msajjar tajjeb. Qatta’ ikel bħal hot-dogs, għeneb u ċirasa f’biċċiet żgħar.
  • Tħallix it-tfal weħidhom waqt l-ikel; jekk jixirqu tkun tista’ tagħtihom l-għajnuna mill-ewwel.
  • Għallem it-tfal jieklu bil-qiegħda mal-mejda, mhux mindudin jew waqt il-ġiri u l-logħob.
  • Tagħtix dan l-ikel lil tfal taħt l-4 snin: karawett, lewż u nuts oħra, għeneb sħiħ, popcorn, biċċiet ta’ ħaxix nej (bħal karrotti), chewing gum u ħelu li jwaħħal. Qabel erba’ snin it-tfal ikunu għadhom ma jafux jomgħodu sewwa u faċilment jixirqu.
  • Tħallix it-tfal żgħar jilgħabu bi bżieżaq tal-plastik, muniti, ġakkijiet u żibeġ, ġugarelli li għandhom biċċiet jinqalgħu, ġugarelli u blalen żgħar li jesgħu fil-ħalq, u batteriji żgħar tal-arloġġ. Ara li tixtri ġugarelli addatti għall-età tat-tfal.
  • Iddendilx il-gażaża jew xi ħaġa oħra b’żigarella ma l-għonq għax jistgħu jitgħallqu.
  • Il-boroż tal-plastik huma perikolużi għax it-tfal jistgħu idaħħlu rashom fihom u jifggħu.
Annimali
  • Ħafna tfal żgħar jiddaħlu l-isptar b’ġidma ta’ kelb f’wiċċhom. Għallem it-tfal imellsu l-kelba bil-mod, ma jmissuhiex meta tkun tiekol, rieqda jew meta jkollha l-frieħ. Għallimhom ukoll ma jersqux lejn klieb barranin u biex ma jaħarbux jiġru jekk jersaq xi kelb fuqhom.
First-Aid
  • Fid-dar żomm First-Aid Box, li jkun fija: garzi, faxxi, tape, band-aids, imqass, pinzetta, surgical spirit, hydrocortisone cream, termometru, paracetamol, ibuprofen, u par ingwanti, Żomm ukoll fire blanket, fire extinguisher u torċ.
  • Ħu kors fl-ewwel għajnuna. (St John Ambulance, 21245740.)
  • F’każ ta’ emerġenza ċempel 112.