Ras it-tarbija ċatta


Fl-ewwel xhur tal-ħajja kważi nofs it-trabi jkollhom parti mir-ras xi ftit jew wisq ċatta. Il-parti ċatta tista’ tkun fuq ġenb (plagiocephaly) jew fuq in-naħa ta’ wara tar-ras (brachycephaly). Dan jiġri minħabba li r-ras tkun għal ħafna ħin tagħfas mas-saqqu.

Minkejja s-sura mgħawwġa tar-ras, dan ma jaffetta xejn il-moħħ jew l-iżvilupp tat-tarbija.

Huwa importanti li l-ġenituri jkellmu tabib tat-tfal biex jeskludi kundizzjoni oħra aktar serja (craniocyostosis) – meta l-għadam tal-iskutella tar-ras jagħqad qabel iż-żmien.

Ladarba wieħed jikkonferma li l-kundizzjoni hi plagiocephaly jew brachycephaly, il-ġenituri jistgħu jgħinu biex ir-ras tiġi f’postha kemm jista’ jkun malajr:
  • Meta tkun imqajma t-tarbija għandha titqiegħed fuq żaqqha (fil-bidu għal ftit ħin biss, u bil-mod il-mod iżżid il-ħin), u diversi drabi matul il-jum. Ara hawn: link.
  • Matul il-jum it-tarbija għandha wkoll titqiegħed f’bouncer jew rocker seat, u tinżamm fuq l-idejn biex rasha ma tkunx il-ħin kollu tagħfas mas-saqqu.
  • Jekk ir-ras tkun imdawwra lejn naħa waħda, jista’ jkun hemm il-muskolu miġbud, u f’dan il-każ il-fiżjoterapija tista’ tkun ta’ għajnuna.
  • Jekk ikun possibli dawwar ir-ras tat-tarbija waqt l-irqad daqqa fuq naħa waħda u darba oħra fuq in-naħa l-oħra.
Jiġu reklamati helmets apposta, imma m’hemmx evidenza li huma effettivi, jiswew ħafna flus, u huma inkonvenjenti għat-tarbija. Għalhekk rari jintużaw.

Huwa importanti li t-tarbija dejjem titqiegħed torqod fuq daharha biex tkun mħarsa minn cot death. Lanqas m’għandha titqiegħed fuq ġembha, speċjalment bil-lejl, peress li faċli ddur u tiġi fuq żaqqha.

Wara diversi xhur, speċjalment meta t-tarbija tibda ddur aktar, ir-ras tieħu l-forma tonda normali. Dawk it-trabi li jkollhom rashom ċatta ħafna wkoll jirrangaw fl-ewwel sentejn, imma tista’ tibqa’ xi ftit ċatta, mingħajr ma tagħti wisq fil-għajn.